Basketball Sport

Luxol u Hibernians jiksbu post fil-finali tan-knock-out

(Ritratt: Catriel Farrugia)

STARLITES GIG…………. 87

BUPA LUXOL……………. 95

(17-12,18-28, 21-20, 31-35)

Luxol: J. Cefai, V. Jandric (28), N. Andrejevic, L. Trapani, F. Mifsud Bonnici (17), J.P. Schembri (5), K. Dimech (18), I. Pace, K. Cauchi, W. Claiborne (27)

Starlites: A. Felice Pace (21),  B. Zammit, R. Bonnici(11),  I. Felice Pace(2),  M. Vella, M. Falzon, M. Scerri (8), R. Carabott(10), K. Kulas (24), R. Ahearn(11)

Referees: B. Vassallo, I. Simic, K. Dworniczak

Fis-semifinali Luxol komplew il-mument pożittiv tagħhom u għelbu lil Starlites GIG biex kisbu post fil-finali. It-tim ta’ Luxol kellu prestazzjoni pożittiva bi plejers bħal Francesco Mifsud Bonnici, Keith Dimech, Vukassin Jandric u William Claiborne jkunu strumentali f’din ir-rebħa.

Starlites kellhom mumenti pożittivi tul il-partita u temmew l-ewwel taqsima 17-12. Fil-bidu tat-tieni taqsima Luxol wettqu rimonta u dawru r-riżultat favurihom b’seba’ punti mingħajr risposta mill-avversarji. Starlites reġgħu marru fil-vantaġġ momentarjament bi three-pointer ta’ Felice Pace. Luxol temmew it-tieni taqsima 40-35 fejn f’mument minnhom kisbu 15 minn 20 punt.

Starlites wettqu bidu pożittiv fit-tielet taqsima u fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti, bil-kowċ ta’ Luxol Duncan Fenech jitlob time-out biex iwaqqaf ir-ritmu tal-avversarji. Luxol irrispondew u fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti permezz ta’ trippla ta’ Claiborne u Jandric biex temmew is-sessjoni 60-56. Fl-aħħar taqsima Luxol fetħu vantaġġ ta’ 10 punti, bi Starlites iwettqu reazzjoni u kisbu sitt punti biex naqqsu d-distakk. Luxol baqgħu kalmi minkejja li Felice Pace ta’ Starlites rnexxielu jnaqqas id-distakk għal 78-81. L-isforzi ta’ Starlites kienu għalxejn għaliex Luxol baqgħu jirrispondu għal kull azzjoni u kisbu rebħa ta’ 95-87 biex assiguraw post fil-finali.

HIBERNIANS…………. 118

DEPIRO……………………70

(19-16,33-14,38-19,28-21)

Hibernians: P. Attard (3), D. Bugeja (17), K. Caruana (8), L. Farrugia (5), J. Hardy (34), I. Bonett (2), N. Vasovic (18), A. Axiaq (12), M. Attard (3), C. Rowe (16)

Depiro: C. Johnson (14), J. Attard, D. Farrugia (4), A. Attard (7), O. Said (3), M. Borg, M. Brincat, T. Zammit (17), A. Chomo (25)

Referees: B. Vassallo, Z. Dobrosaviljevic, D. Torok

Hibernians kisbu post fil-finali tan-knock-out wara li għelbu lil Depiro 118-70 biex b’hekk għadhom fiċ-ċans li jiddefendu t-titlu li ilhom jirbħu għal dawn l-aħħar tliet staġuni. Fil-formazzjonijiet inizjali tagħhom iż-żewġ timijiet kellhom numru ta’plejers importanti neqsin fejn għal Hibernians kien hemm neqsin Marco Matijevic u Ivan Demcesen. Depiro għal partita oħra kellhom nieqes lill-plejer Amerikan tagħhom Quinn Cooper u miegħu żdiedu ukoll Nicholas Grech u Kurt Xuereb.

Kien t-tim ta’ Hibernians li mar fil-vantaġġ bi skor ta’13-5 bil-punti jaslu minn Jay Hardy u Anton Axiaq. Depiro wettqu reazzjoni u rrispondew bi trippla ta’ Andy Attard u numru ta’ punti minn Adam Chomo li  għenuhom idawru r-riżultat favurihom. Hibs għalqu din it-taqsima b’vantaġġ ta’ 19-16. Fit-tieni taqsima il-partita bdiet b’mod bilanċjat qabel ma’ Hibernians wettqu perjodu pożittiv u fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt. Hibernians temmew din it-taqsima b’vantaġġ komdu ta’ 52-30 wara li għamlu perjodu pożittiv ieħor ta’ 10 punti.

Depiro fetħu t-tielet taqsima tajjeb u basket minn Johnson u trippla ta’ Chomo naqqsu d-distakk. Hibs rrispondew immedjatament bi tliet baskets. Sa tmiem din is-sessjoni Hibs komplew ikabbru l-vantaġġ u temmew is-sessjoni 90-49. Fl-aħħar taqsima ż-żewġ timijiet wettqu numru ta’ tibdiliet. Hibernians komplew ikabbru l-vantaġġ u għalqu l-partita bi three-pointers ta’ Paul Attard u Matthew Attard biex temmew il-partita b’rebħa ta’ 118-70 u assiguraw post fil-finali tad-29 ta’ Marzu.