Futbol Sport

AĠĠORNATA: Malta terġa’ kontra l-Gżejjer Faroe fil-UEFA Nations League

Malta reġgħet tinsab fl-istess grupp mal-Gżejjer Faroe f’League D Grupp 1 fil-poloz tat-tieni edizzjoni tal-UEFA Nations League. Dan wara li dawn iż-żewġ nazzjonijiet lagħbu kontra xulxin fl-ewwel edizzjoni kif ukoll fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Fl-istess grupp ta’ Malta, hemm ukoll l-Andorra u l-Latvja. Dawn se jkunu l-ewwel impenji uffiċjali għal Devis Mangia bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti. Fl-ewwel edizzjoni taħt it-tmexxija ta’ Ray ‘Żażu’ Farrugia, Malta kisbet tliet draws u tliet telfiet, b’telfa ta’ 3-1 u draw ta’ 1-1 kontra l-Gżejjer Faroe. Imbagħad fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Malta rebħet 2-1 filwaqt li tilfet 1-0 fil-Gżejjer Faroe.

Il-Latvja u l-Andorra kienu t-tnejn fi Grupp D1 fl-aħħar edizzjoni, biż-żewġ nazzjonijiet itemmu l-grupp b’erba’ punti minn sitt logħbiet. Fir-rankings tal-FIFA, l-Andorra tinsab fil-135 post, żewġ postijiet qabel il-Latvja. Fl-aħħar grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, il-Latvja spiċċat fl-aħħar post minn Grupp G bi tliet punti filwaqt li l-Andorra spiċċat ta’ qabel tal-aħħar qabel il-Moldova fi Grupp H b’erba’ punti. Il-Gżejjer Faroe spiċċat punti ndaqs ma’ Malta bi tliet punti fi Grupp F.

L-ewwel ġurnata tintlagħab bejn it-3 u l-5 ta’ Settembru, it-tieni ġurnata tintlagħab bejn is-6 u t-8 ta’ Settembru. It-tielet ġurnata tintlagħab bejn it-8 u l-10 ta’ Ottubru, ir-raba’ ġurnata tintlagħab bejn il-11 u t-13 ta’ Ottubru. Il-ħames ġurnata tintlagħab bejn it-12 u l-14 ta’ Novembru u l-aħħar ġurnata tintlagħab bejn il-15 u s-17 ta’ Novembru. Il-play-offs għar-relegazzjoni jsiru bejn l-24 u d-29 ta’ Marzu u l-fażi finali ssir bejn it-2 u s-6 ta’ Ġunju.

Spjegazzjoni tal-kompetizzjoni

Il-55 assoċjazzjoni affiljata mal-UEFA nqasmu f’erba’ diviżjonijiet. L-ewwel tliet diviżjonijiet huma magħmula minn 16-il nazzjon kull wieħed filwaqt li League D hu magħmul minn seba’ nazzjonijiet. Il-poloz ittellgħu minn David Seaman, Philippe Senderos, Rafael van der Vaart u Luis Figo.

It-timijiet jilagħbu kontra xulxin darbtejn bl-erba’ rebbieħa tal-gruppi ta’ League A jikkwalifikaw għall-fażi finali f’Ġunju tas-sena d-dieħla. Ir-rebbieħa tal-gruppi ta’ Leagues B, Ċ u D jiksbu l-promozzjoni u dawk li jispiċċaw fl-aħħar tal-gruppi ta’ Leagues A, B u Ċ ikunu relegati.

Minħabba li League Ċ għandu erba’ gruppi filwaqt li League D għandu żewġ gruppi, iż-żewġ timijiet relegati minn League Ċ ikunu relegati bi play-offs fuq żewġ logħbiet f’Marzu tal-2022. Jekk tim jikkwalifika għall-play-offs tat-Tazza tad-Dinja, it-timijiet b’ranking tas-47 u t-48 post ikunu awtomatikament relegati.

League A

Grupp 1: Olanda, Italja, Bożnija, Polonja

Grupp 2: Ingilterra, Belġju, Danimarka, Iżlanda

Grupp 3: Portugall, Franza, Żvezja, Kroazja

Grupp 4: Żvizzera, Spanja, Ukrajna, Ġermanja

League B

Grupp 1: Awstrija, Norveġja, Irlanda ta’ Fuq, Rumanija

Grupp 2: Repubblika Ċeka, Skozja, Slovakkja, Iżrael

Grupp 3: Russja, Serbja, Turkija, Ungerija

Grupp 4: Wales, Finlandja, Irlanda, Bulgarija

League Ċ

Grupp 1: Montenegro, Ċipru, Lussemburgu, Ażerbajġan

Grupp 2: Georgia, Maċedonja ta’ Fuq, Estonja, Armenja

Grupp 3: Greċja, Kosovo, Slovenja, Moldova

Grupp 4: Albanija, Belarus, Litwanja, Każakistan

League D

Grupp 1: Gżejjer Faroe, Latvja, Andorra, Malta

Grupp 2: Ġibiltà, Liechtenstein, San Marino