Futbol Sport

Possibbiltà li Juventus v Inter tintlagħab it-Tnejn 9 ta’ Marzu

(Ritratt: EPA)

Bejn is-Sibt u t-Tnejn li ġej mistennija jkunu rkuprati s-sitt partiti li tħassru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fosthom il-konfront mistenni bejn Juventus u Inter. Din hi l-proposta tal-Kunsill tal-Lega Serie A, bil-klabbs mistennija jagħtu r-risposta uffiċjali llum.

Jidher li Inter jinsabu rrabjati għal din l-idea minħabba li l-logħba kontra Juventus tat-Tnejn filgħaxija, se tidħol bejn żewġ impenji importanti. Il-Ħamis li ġej, Inter jilagħbu t-tieni leg tas-semifinali tal-Coppa Italia kontra Napoli u l-Ħamis ta’ wara jilagħbu l-ewwel leg tal-aħħar 16 tal-Europa League kontra Getafe. Inter milli jidher ippreferew jilagħbu kontra Sassuolo kif skedat jew jirkupraw il-logħba li wkoll kienet posposta l-ġimgħa ta’ qabel kontra Sampdoria.

B’hekk is-Sibt 7 ta’ Marzu fid-8.45pm mistennija tintlgħab Sampdoria v Verona u l-Ħadd fid-8.45pm tintlagħab il-logħba Udinese v Fiorentina. Imbagħad it-Tnejn jintlagħbu Milan v Genoa, Parma v Spal, Sassuolo v Brescia fis-6.30pm u Juventus v Inter fid-8.45pm. Il-ġimgħa d-dieħla jintlagħbu l-logħbiet li kellhom jintlagħbu din il-ġimgħa.