Futbol Sport

Titħassar ukoll Juventus v Milan … possibbiltà ta’ xahar sospensjoni mill-avvenimenti sportivi fl-Italja

(Ritratt: EPA)

It-tieni leg tas-semifinali tal-Coppa Italia bejn Juventus u Milan ġiet posposta b’mod indefinit minħabba tħassib dwar il-coronavirus. L-avvenimenti sportivi fir-reġjuni Taljani Lombardia, Veneto u Emilia Romagna flimkien ma’ żewġ provinċji oħra ġew sospiżi, għalkemm logħbiet mill-ogħla diviżjoni jistgħu jintlagħbu bil-bibien magħluqa, xi ħaġa li s-Serie A għażlet li ma tapplikax.

Ir-reġjun ta’ Piemonte fejn tinsab Turin, kienet eżentata mis-sospensjoni l-Ħadd u Juventus qalu immedjatament li l-logħba se tintlagħab bl-ispettaturi. Iżda rapporti fil-media Taljana qalu li l-Kunsill tal-belt iddeċieda li jħassar il-logħba. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Aġenzija tal-Protezzjoni Ċivili qalet li 27 persuna mietet kawża ta’ din l-influwenza fl-aħħar 24 siegħa, għal total ta’ 79 persuna filwaqt li n-numru ta’ każijiet telgħu għal 2,502.

Napoli huma mistennija jilqgħu lil Inter fit-tieni leg tas-semifinali l-oħra għada, logħba li mistennija tintlagħab minħabba li n-naħa ta’ isfel tal-Italja ma tinsabx milquta mill-coronavirus. Inter huma fost l-aktar timijiet voċiferi f’din il-kwistjoni speċjalment wara li ġiet posposta l-logħba tal-Ħadd li għadda kontra Juventus, bil-klabb minn Milan jinsisti l-ewwel trid tiġi rkuprata l-logħba kontra Sampdoria qabel dik kontra l-Bianconeri.

Din l-aħbar tkompli tpoġġi l-futbol Taljan f’dubju hekk kif fil-preżent jeżisti dubju dwar kif se jiġu rkuprati l-logħbiet li ġew posposti speċjalment dawk ta’ timijiet bħal Juventus, Inter, Atalanta, Roma u Napoli li għadhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Aktar minn hekk qed tiġi diskussa l-possibbiltà mill-Gvern Taljan li l-avvenimenti kollha, bl-isport inkluż, ikunu sospiżi għal 30 ġurnata.