Futbol Sport

Zenga jinħatar is-suċċessur ta’ Maran bħala kowċ ta’ Cagliari

(Ritratt: Cagliari Calcio)

Wara li ħadu d-deċiżjoni li jneħħu lil Rolando Maran, Cagliari taħt it-tmexxija tal-President Tommaso Giulini ħatru lil Walter Zenga bħala l-kowċ il-ġdid li ffirma sa Ġunju tas-sena d-dieħla. L-aħħar esperjenza tiegħu bħala kowċ kienet l-istaġun li għadda fis-Serie B ma’ Venezia. Hu għandu esperjenza vasta bħala kowċ fis-Serie A fosthom Catania, Palermo, Sampdoria u Crotone.

Hu se jkun assisti minn Max Canzi, il-kowċ tal-Primavera tal-klabb li f’mumenti minnhom deher li saħansitra seta’ jinħatar hu bħala kowċ. Probabbilment il-klabb minn Sardenja għażel li ma jitfax lil dan il-kowċ fl-ewwel esperjenza fis-Serie A. Zenga se jieħu lil Cagliari fil-11-il post fis-Serie A bi 32 punt iżda b’nuqqas ta’ tliet xhur mingħajr rebħa. Din is-sensiela negattiva ta’ 11-il logħba mingħajr rebħa wasslet biex tkeċċa Maran wara bidu pożittiv tal-istaġun.