Tal-inqas 25 persuna tilfu ħajjithom u diversi midruba wara li żewġ trombi tal-arja għamlu ħerba sħiħa fiċ-ċentru tal-Istat Amerikan ta’ Tennessee, b’mod speċjali f’Nashville, fejn krollaw madwar 40 binja.
Il-maltemp qawwi beda jħabbat mal-istat ftit wara nofs il-lejl u għaldaqstant diversi persuni ma laħqux sabu kenn l-għaliex dak il-ħin kienu reqdin.

Kelliema għall-Awtoritajiet saħqu li hemm numru ta’ persuni li għadhom nieqsa filwaqt li x-xena f’Nashville ġiet deskritta bħala war zone b’xeni ta’ tifrik u tiġrif. Is-Sindku ta’ Nashville, John Cooper, appella lill-pubbliku sabiex kull min huwa f’saħtu jnewwel daqqa t’id lil min huwa fil-bżonn.
Ġiet irrapportata wkoll ħsara estensiva fl-ajruport ta’ Nashville filwaqt li mal-44, 000 persuna spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku. Intant, kelliema għall-Pulizija saħqu li hemm nixxiegħa ta’ gass f’zoni diversi.

Filwaqt li inevitabbilment ingħalqu l-iskejjel, qrati u twaqqaf temporanjament it-trasport pubbliku, ta’ min ninnutaw li dan l-istat huwa wieħed fost l-erbatax li qed isiru l-primaries tas-Super Tuesday għan-nominazzjoni Demokratika li għandha twassal għall-elezzjoni Presidenzjali. Għaldaqstant uħud mill-postijiet ta’ votazzjoni fl-iskejjel ser jibqgħu miftuħa.
Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li ser ikun qed iżur l-istat nhar il-Ġimgħa.
