L-awtoritajiet fl-Italja ħabbru li l-iskejjel u l-universitajiet fil-pajjiż se jagħlqu bejn għada, il-Ħamis, u l-15 ta’ Marzu.
Id-direttiva – ikkonfermata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni — qed tkun implimentata b’urġenza minħabba l-firxa tal-coronavirus, bl-ammont tal-imwiet ikkonfermati ta’ pazjenti li testjaw pożittiv għal dan il-virus ġdid fl-Italja jiżdied, fl-aħħar sigħat, minn 79 għal 107.
Qabel id-direttiva kienu magħluqin diġà ħafna skejjel fir-reġjuni tat-Tramuntana — fosthom il-Lombardija, Veneto, Emilia-Romagna, Piedmonte, Friuli Venezia Giulia u l-provinċja ta’ Savona.
Il-każi konfermati tal-coronavirus fl-Italja, issa, qabżu t-3,000 u li jfisser li l-Italja hi ‘stabbilita sew’ bħala l-pajjiż Ewropew bl-ogħla livell ta’ infezzjonijiet.
Sadanittant, abbozz ta’ digriet li ħareġ il-Gvern Taljan jesiġi l-għeluq tas-swali taċ-ċinema u t-teatri fl-Italja. Dan meta huma projbiti wkoll l-avvenimenti pubbliċi ‘minn tarf sa tarf’ tal-pajjiż f’tentattiv biex il-coronavirus ikun ikkontrollat.
Il-Gvern tal-Italja, fl-aħħar sigħat, kien qed jikkunsidra li jipprojbixxi l-movimenti lejn aktar bliet Taljani tat-Tramuntana u ‘il hinn minnhom bħala estensjoni tal-‘lockdown’ dovut għall-firxa rapida tal-infezzjonijiet mill-coronavirus.
//= $special ?>