Assistejna għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru illi fiha deher ċar li l-kriżi li tinsab fiha l-indusrija tal-bini żġur li ma ġietx risolta bir-regolamenti li kienu daħlu b’mod mgħaġġel f’Lulju tas-sena li għaddiet. Tant huwa hekk li l-Prim Ministru issa deherlu li kellu jwaqqaf kumitat tekniku ieħor sabiex jagħmel riforma tar-riforma li kienet saret f’Lulju tal-2019.
F’Indirizz lin-Nazzjon, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan hu ċar li dik ir-riforma li kienet saret taħt il-Ministru Ian Borg kienet falliment. Kieku l-Gvern ma qagħadx ikaxkar saqajh tmien xhur sħaħ biex jimplimenta d-diversi rakkomandazzjonijiet li saru minn diversi stakeholders kif ukoll mill-Oppożizzjoni, waqt il-perjodu qasir ta’ konsultazzjoni, meta ġiet imnedija l-Avviż Legali traġedja bħal dik tat-Tnejn li għadda jaf setgħet tiġi evitata.
Adrian Delia qal li fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Oppożizzjoni kien hemm dawk li jikkonċernaw n-nuqqas ta’ infurzar. Mill-konsultazzjoni li kien għamel il-Partit Nazzjonalista ma’ diversi għaqdiet, entitajiet, awtoritajiet u anke man-nies mill-pubbliku, jirriżulta li waħda mill-affarijiet illi għandha tiġi indirizzata minnufih kienet n-nuqqas ta’ infurzar.
Tali nuqqas ta’ infurzar qed iwassal għal aktar abbuż u għall-inosservanza ta’ proċeduri u good practices. Hija r-responsabbilta unika tal-Gvern illi jara li tali attitudni ma tippersistiex. Mingħajr infurzar adegwat, propju u f’ħinu, l-liġi tibqa’ biss fuq il-karta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru llum qalilna li l-liġijiet fl-istess ħin u nifs li jrid ibiddilhom huma tajbin diġà, fl-istess nifs li hu stess imħasseb għax biswit ir-residenza tiegħu se jsir żvilupp. F’pajjiż normali jsir l-iżvilupp iżda r-residenzi u l-ġirien m’ghandhomx ikunu mħassbin għax għandu jkollhom il-konfort li l-Gvern qed jara li l-awtoritajiet jaraw li x-xogħol isir sew.
Illum konna qegħdin nippretendu li tal-inqas il-Prim Ministru jagħti r-riżorsi neċessarji sabiex isir l-infurzar meħtieġ, biex persuni li joqogħdu f’postijiet qrib siti ta’ kostruzzjoni ikollhom serħan tal-moħħ u ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jgħixu fi djarhom fil-biża.
Adrian Delia qal li Robert Abela llum qalilna li din hija kwistjoni urġenti u li timmerita attenzjoni iżda l-istess ħin ma tahx żmien ta’ skadenza meta dan il-Kumitat li qabbad hu stess, għandu jgħaddi r-rakkomandazzjonijet tiegħu.
Il-Prim Ministru ma ħasx li hi responsabbiltà tal-Gvern li jdaħħal xi forma ta’ għajnuna, fosthom ukoll psikoloġika, lill-persuni li fi djarhom ġew affetwati minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswithom. Din għajnuna li l-Gvern ma kellux għalfejn jistenna kumitat tekniku li jgħidilu biex jagħtiha.
Jidher biċ-ċar li r-riforma tal-Ministru Ian Borg kienet falliment totali. It-tnejn li għaddiet mara u omm tilfet ħajjitha fi traġedja xi ħadd irid iġorr ir-responsabbiltà politika. Din kienet traġedja li setgħet tiġi evitata li kieku l-Gvern ma njorax is-sinjali kollha wara l-każijiet l-oħrajn ta’ tiġrif li seħħew matul l-aħħar xhur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qali hu inutli li l-Gvern iwaħħal f’kulħadd ħlief jerfa’ r-responsabbiltà hu, ejja nibdew billi tintrefa r-responsabbiltà politika minnufih mill-Ministru Ian Borg. Ejjew nibdew minnifih bl-infurzar tal-liġi llum u mhux wara r-rakkomandazzjonijiet iżda minnufih, il-poplu jeħtieġ u jesiġi li jkun hemm l-infurzar minnufih.
//= $special ?>
