Internazzjonali

Ikomplu l-konfronti mal-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija

Il-qawwiet tas-sigurtà Griegi kienu kostretti li jisparaw il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma fuq mijiet ta’ immigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera min-naħa tat-Turkija.

Dan waqt li l-awtoritajiet Griegi u l-awtoritajiet Torok akkużaw lil xulxin b’li qed jippruvaw ipinġu stampa qarrieqa dwar dak li qed iseħħ bħalissa mal-fruntiera komuni. Intant il-Greċja u l-Unjoni Ewropea qegħdin jixlu lit-Turkija dwar ‘kampanja ta’ pressjoni’ fuq l-immigranti biex jaqsmu lejn l-artijiet Griegi.

‘Il fuq minnn 10,000 immigrant ilhom jippruvaw jinfiltraw għall-Greċja mit-Turkija mindu l-Gvern f’Ankara kkonferma, ġimgħa ilu, li ma kienx se jirrispetta aktar il-ftehim li kien laħaq, fl-2016, mal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan il-ftehim kellha tingħata għajnuna ekwivalenti għall-biljuni tal-ewro lit-Turkija bil-patt li dan il-pajjiż ma jippermettix il-movimenti illegali ta’ immigranti lejn l-Ewropa.

Intant, il-Greċja ċaħdet l-akkużi tat-Turkija li l-qawwiet Griegi, fl-aħħar sigħat, qatlu immigrant fl-inħawi tal-fruntiera. Madankollu, illum seħħew numru ta’ inċidenti qrib iz-zona ta’ Kastanies għal aċċess mill-fruntiera, u fejn is-suldati Griegi spiċċaw jisparaw it-titjiriet ta’ twissija fost it-tensjoni.