Il-President Thomas Bach u l-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ta aktar appoġġ b’saħħtu għall-Olimpjadi f’Tokyo, bl-ebda diskussjoni ta’ posponiment jew tmexxija ta’ data minħabba l-coronavirus. Kemm l-organizzaturi tal-Olimpjadi u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali saħqu diversi drabli li l-Logħob bejn l-24 ta’ Lulju u d-9 ta’ Awwissu se jsiru kif ippjanat u m’hemmx pjan B.
“Qed nippreparaw għal Olimpjadi ta’ suċċess,” qal Bach. Il-Bord Eżekuttiv tal-KOI esprima l-impenn sħiħ lejn is-suċċess tal-Olimpjadi f’Tokyo. Iżda diversi avvenimenti sportivi madwar id-dinja ġew ikkanċellati dwar din l-epidemija li qatlet aktar minn 3,000 persuna fiċ-Ċina u nfirxet f’aktar minn 60 pajjiż fosthom il-Ġappun.
Aktar qabel ilbieraħ, il-Ministru tal-Isport fil-Ġappun Seiko Hashimoto rrikonoxxiet li l-kuntratt iħalli lok għal posponiment sal-aħħar tas-sena. Minkejja t-tħassib dwar possibbiltà ta’ riskju għas-saħħa tal-ispettaturi u l-parteċipanti, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali mhux lest li jiddiskuti b’mod pubbliku għażla oħra bħat-tħassir tal-Logħob.
Il-Bord tal-KOI qal li nħolqot task-force f’nofs Frar flimkien mal-organizzaturi, il-belt ta’ Tokyo, il-Gvern Ġappuniż u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-coronavirus qabel l-Olimpjadi. Tokyo nefqet madwar €11-il biljun biex torganizza dan l-avveniment filwaqt li biljuni oħra ntefqu fuq proġetti relatati mal-Olimpjadi.
//= $special ?>