– Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara fil-parlament li f’dan il-mument, il-pajjiż u l-poplu Malti jeħtieġu li jkun appuntat Kummissarju tal-Pulizija maqbul bejn iż-żewġ naħat.
Fil-parlament Adrian Delia qal li ma kienx il-gvern li ddeċieda quddiem din is-sitwazzjoni għaliex f’sitt snin biddel sitt kummissarji tal-pulizija u ppermetta li l-istruttura li suppost qiegħda hemm għas-serħan tal-moħħ fis-sigurtà kontra l-kriminalità tfalli. Anzi kien hemm ċertezza li l-gvern ta’ Muscat ippermetta li hu kuntent li jbiddel il-kummissarji tal-pulizija sakemm kellu Kummissarju f’idejh u f’idejn Kastilja biex ikun kompliċi ħalli l-kriminalità tibqa’ għaddejja u biex il-kriminali jagħmlu li jridu waqt li r-rapporti li kien hemm ma jkunux investigati.
Il-Kap tal-Oppżizzjoni kompla li kien hemm awtoritajiet u istituzzjonijiet minn barra l-pajjiż, inkluż il-Kunsill tal-Ewropa, li qalu li ma jistax ikun li l-pajjiż jitmexxa b’dan il-mod jekk Malta trid tkun meqjusa mal-pajjiżi demokratiċi.
Għalhekk kellhom isiru bidliet; mhux għax intebaħ jew ried il-gvern iżda għax kien imġiegħel. Kien hemm bidla fi-tmexxija fejn il-Prim Ministru Robert Abela qal li jrid il-kontinwità u ftit wara qal li se jmur lura għan-normalità. Dan assolutament mhux minnu jekk il-Prim Ministru Robert Abela se jagħżel u jneħħu hu lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Kap tal-PN kompla li l-gvern kien kriminal għax aġevola lill-kriminali billi ħalla lill-Kummissarju li kien hemm fil-post meta ħadd fid-dinja ma kellu fiduċja fih. Issa agħar, għax il-gvern qed jidħak bin-nies billi jgħid li jrid in-normalità. Il-gvern għandu jgħid il-verità lin-nies għaliex fil-verità m’hemmx normalità.
Hu sostna li mhux minnu li l-Prim Ministru mhux se jagħżel lill-Kummissarju tal-Pulizija. Mhux minnu li l-Kummissarju se jingħażel minn awtorità indipendenti għaliex f’kull stadju hemm il-kontroll dirett tal-Prim Ministru. Mhux minnu wkoll li l-Prim Ministru qed jirrinunzja għal xi poter li għandu llum.
Adrian Delia kkwota lill-Kummissjoni Venezja li qalet li l-Prim Ministru għandu poter esorbitanti u li dan għandu jitnaqqas u għalhekk il-Prim Ministru m’għandux ikun ikun involut fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hu sfida lill-Prim Ministru biex jiddikjara li hu mhux se jkun involuti fl-għażla tal-Kummissarju meta fil-fatt se jkun qed jagħżel hu u jneħħi hu lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-proċess tal-għażla mhux trasparenti għaliex mhux se jkun stabbilit min ġie l-ewwel fost il-kandidati. L-Oppożizzjoni ma tistax twaqqaf lill-Prim Ministru fl-għażla li jagħmel għaliex il-Prim Ministru għandu veto.
Hu tkellem dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni u qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi l-kunsens taż-żewġ terzi, kif dan isir fl-Ombudsman u fl-Awditur Ġenerali. Il-poplu qed jistenna l-konfort fuq l-istituzzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija propju wara li l-pajjiż għadda minn trawna kbira fejn kien hemm l-aktar Prim Ministru korrott. L-Oppożizzjoni dejjem ġabet l-aqwa interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox, sostna Adrian Delia.
Mhux minnu li l-proposta tal-gvern taqbel mal-proposti tal-Kummissjoni Venezja għaliex il-gvern qed jiddeċiedi hu u sar l-imħallef hu stess anki fil-proċess. Il-gvern lanqas jifhem x’inhi s-seperazzjoni tal-poter.
Adrian Delia qal li l-proposta tal-PN hi rappreżentazzjoni sħiħa ta’ dak li jrid il-poplu. Il-Korp tal-Pulizija sparixxa f’għajnejn in-nies; jeħtieġ interventi iktar b’saħħithom. Jekk il-gvern irid jagħmel pass allura jrid juri r-rieda li jirritorna l-pajjiż għan-normalità.
In-nies iridu pajjiż normali bil-ġustizzja u bin-normalità biex kulħadd ikun sigur f’daru. Sal-lum stess il-Prim Ministru qal li se jibda jiġri wara l-pulizija biex jagħmlu xogħlhom wara dak li ġara (f’Santa Venera). Il-Prim Ministru jrid jieħu azzjoni u għalhekk irid ikun qbil fuq persuna li lesta tidħol għar-responsabbiltà ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Dan għaliex is-sistema iddeterjorat.
Il-proposta tal-PN mhu se ddgħajjef xejn anzi se ssaħħaħ l-istutizzjoni iżda l-Prim Ministru mhux dispost li jagħmel dan, sostna Adrian Delia.
//= $special ?>