Futbol Sport

It-tim Malti bi programm ta’ logħob fin-Nations League simili għall-ewwel edizzjoni

(Ritratt: Domenic Aquilina)

It-tim nazzjonali Malti se jerġa’ jibda l-impenji fil-UEFA Nations League bi vjaġġ lejn il-Gżejjer Faroe fit-3 ta’ Settembru qabel konfront f’pajjiżna kontra l-Latvja tlett ijiem wara. L-iskeda sħiħa tal-logħbiet ġiet ippubblikata ftit sigħat wara l-poloz li ttellgħu f’Amsterdam it-Tlieta filgħaxija. Il-programm ta’ logħob hu simili bħall-ewwel edizzjoni tal-2018, b’żewġ logħbiet barra minn Malta f’Ottubru kontra l-Andorra u l-Latvja, qabel żewġ konfronti f’pajjiżna f’Novembru kontra l-Andorra u l-Gżejjer Faroe.

Fil-passat, it-tim nazzjonali Malti lagħab darbtejn kontra l-Andorra. L-ewwel konfront intlagħab fit-8 ta’ Frar tal-2000 fi draw ta’ 1-1 fir-Rothmans Tournament. It-tieni konfront ukoll intlagħab f’pajjiżna u spiċċa 1-1 fis-27 ta’ Marzu tal-2002.

Malta lagħbet ħames darbiet kontra l-Latvja, b’żewġ rebħiet minn ħames konfronti. It-tim Malti rebaħ l-ewwel konfront fl-1992 bl-iskor ta’ 1-0 u wara li l-Latvja rebħet it-tieni partita ta’ ħbiberija 2-0 sentejn wara, Malta rebħet fir-Rothmans Tournament 2-1 fl-1998. L-aħħar żewġ konfronti ntlagħbu fl-2010 u l-2011, bil-Latvja tirbaħ iż-żewġ logħbiet 2-0.

Kontra l-Gżejjer Faroe, it-tim Malti lagħab tmien darbiet bejn l-1997 u s-sena l-oħra. Malta rebħet f’partita ta’ ħbiberija fl-2013 u f’Marzu tas-sena l-oħra f’logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. L-uniku draw mis-sitt logħbiet l-oħra wasal fl-aħħar logħba tal-UEFA Nations League f’Novembru tal-2018.

Il-logħob kollu ta’ Malta

Il-Ħamis 3 ta’ Settembru: Gżejjer Faroe v Malta 8.45pm

Il-Ħadd 6 ta’ Settembru: Malta v Latvja 8.45pm

Il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru: Andorra v Malta 8.45pm

It-Tnejn 12 ta’ Ottubru: Latvja v Malta 8.45pm

Is-Sibt 14 ta’ Novembru: Malta v Andorra 3.00pm

It-Tlieta 17 ta’ Novembru: Malta v Gżejjer Faroe 8.45pm