Lokali Saħħa Transport Turiżmu

Jikber l-appell biex jieqfu t-titjiriet mill-Italja lejn Malta

Il-Forum qed jappella lill-gvern biex illum qabel għada jieħu l-affarijiet aktar bis-serjetà

Il-Forum Unions Maltin jinsab diżappuntat għall-fatt li l-gvern Malti ma ddikjarax travel ban fuq dawk il-pajjiżi l-aktar milquta mill-Coronavirus.

Fi stqarrija, il-Forum qal li jekk ma jitwaqqfux dawn it-titjiriet, ma nkunux qed nipproteġu bis-serjetà liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. “Huwa inutli li minn dawk li qed jivvjaġġjaw lura f’pajjiżna, li ġejjin minn dawn il-pajjiżi milquta, iċ-ċittadini Maltin qed jintalbu joqgħodu kwarantina filwaqt li l-barranin qed jitħallew jagħmlu li jridu”.

Barra minn hekk, il-Forum Unions Maltin qal illi ma jistax jaċċetta li fin-nuqqas ta’ dan it-travel ban, il-ħaddiema qed jintalbu biex joqgħodu d-dar għal 14-il ġurnata sħaħ mingħajr l-ebda kumpens finanzjarju. Dan it-tip ta’ proċess jista’ jwassal għal abbuż li minnu ser ibati l-pajjiż kollu.

Għaldaqstant il-Forum qed jappella lill-gvern biex illum qabel għada jieħu l-affarijiet aktar bis-serjetà u jħares l-interess tal-ċittadini Maltin u Għawdxin. Dan filwaqt li l-For.U.M. issostni l-ħtieġa li t-talbiet għal pjan ta’ azzjoni ċar dwar il-COVID-19 ma jkunux biss għas-settur pubbliku iżda għall-operaturi fis-settur privat b’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

Il-Korpi Kostitwiti mistennija jiddiskutu din is-sitwazzjoni fil-laqgħa tal-MCESD skedata għal għada.