Sport Sport Ieħor

Kim Clijsters tħares b’ottimiżmu li tkompli titjieb

(Ritratt: EPA)

L-eks numru wieħed tad-dinja Kim Clijsters tinsab ottimista li tilgħab aktar logħbiet u tkompli titjieb. Dan wara li hi kienet megħluba minn Johanna Konta 6-3, 7-5 fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Monterrey. L-erba’ darbiet rebbieħa ta’ Grand Slam kienet qed tilgħab biss it-tieni logħba minn meta rritornat tilgħab wara li kienet irtirat fl-2012. Hi uriet uħud mill-abbiltajiet tagħha iżda ma setgħetx twaqqaf lil Konta milli tikseb l-ewwel rebħa tagħha din is-sena.

Clijsters li għandha 36 sena, tilfet kontra Garbine Muguruza fl-Open ta’ Dubai fir-ritorn tagħha. “Ħassejt xi affarijiet li kienu aħjar. Uħud mill-affarijiet għad jonqos ħafna titjib, għalhekk hu tajjeb li tilgħab il-logħbiet.” Hi kompliet li lagħbet kontra diversi plejers minn ġenerazzjonijiet differenti u għadha fi stadju li trid tiffoka x’qed tagħmel hi u kif tħossha kif ukoll tibda taqra lill-avversarju.

Il-Belġjana kienet oriġinarjament irtirat mit-tennis fl-2007 meta ħadet waqfa biex ikollha l-ewwel minn tliet ulied. Hi rritornat sentejn wara biex kisbet tlieta mill-erba’ Grand Slams u rritornat fil-quċċata tar-rankings fl-2011.