Futbol Sport

L-attivitajiet sportivi fl-Italja mingħajr spettaturi għal xahar

Il-Gvern Taljan iddikjara li l-isport kollu fil-pajjiż se jintlagħab bil-bibien magħluqa sat-3 ta’ April fi sforz biex jikkontrolla l-Coronavirus. L-Italja hu l-aktar pajjiż milqut fl-Ewropa, b’aktar minn 3,000 persuna li nstabu pożittivi għal dan il-virus, b’107 minnhom imutu.

Il-logħbiet mit-tieni leg tas-semifinali tal-Coppa Italia bejn Juventus u Milan u Napoli v Inter, ġew posposti. Dan minbarra diversi logħbiet mis-Serie A li ġew posposti fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u l-logħba mis-Six Nations tar-Rugby bejn l-Italja u l-Ingilterra. Din il-logħba issa se tintlagħab fl-14 ta’ Marzu fi Stadio Olimpico iżda mingħajr spettaturi.

Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li l-logħbiet posposti tal-ġimgħa l-oħra jintlagħbu fi tmiem din il-ġimgħa. Is-Sibt fid-8.45pm, Sampdoria jilqgħu lil Verona u l-Ħadd jintlagħbu l-ħames logħbiet l-oħra. Milan v Genoa fin-12.30pm, Parma v Spal u Sassuolo v Brescia fit-3.00pm, Udinese v Fiorentina fis-6.00pm u l-partitissima Juventus v Inter fid-8.45pm.

Il-President ta’ Inter Steven Zhang qal li din hi l-aħjar soluzzjoni. Hu żied li hu importanti li n-nies ma jagħmlux paniku u jħoss li ħafna nies qed jagħmlu l-aħjar ħaġa biex jieħdu prekawzjoni. “Bħala klabb għandna r-responsabbiltà li nwasslu l-aħjar messaġġ li s-sigurtà hi l-ogħla prijorità.” Zhang kompla li biex jibqgħu magħluqa l-bibien hu diffiċli għal diversi raġunijiet iżda saħaq li finalment iridu jieħdu dawn id-deċiżjonijiet biex ikomplu l-attivitajiet b’mod normali.

Inter kienu fost l-aktar timijiet milquta f’dawn iż-żminijiet hekk kif minbarra l-logħba kontra Napoli mill-Coppa Italia, kellhom żewġ logħbiet mis-Serie A kontra Sampdoria u Juventus li kienu posposti. Dan minbarra li lagħbu fl-Europa League kontra Ludogorets bil-bibien magħluqa.