Lokali Parlament

L-MTA tittripplika l-ispiża b’miljuni iżda tnaqqas l-avvenimenti

Minn xhieda mogħtija fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) rriżulta li bejn l-2017 u l-2018 l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) żieded in-nefqa u l-isponsors minn €2 miljun għal €6 miljuni iżda naqqset l-avvenimenti organizzati.

Quddiem dan il-kumitat, li qed jiddiksuti l-kontijiet finanzjarji tal-MTA, llum xehed Lionel Gerada li ilu Events Director mal-MTA minn Ġunju 2019 waqt li qabel kien person of trust tal-ex Ministru Konrad Mizzi għal madwar sena u nofs. Qablu kien hemm Martin Morana. Lionel Gerada qal li hu ngħażel għal dan il-post wara li nħarġet sejħa għall-kariga. Hu qal li ilu jaħdem fl-events għal 15-il sena fil-produzzjoni u l-loġistika.

Bħala person of trust hu kien jiffoka kif se tinbidel il-viżjoni tal-MTA. Qabel hu kien jaħdem ma’ ‘Where’s Everybody’ u kien ukoll fis-settur tal-konferenzi. Hu spjega li fl-aħħar 11-il sena l-avvenimenti f’Malta kienu marbuta biss mal-kunċerti Isle of MTV u dak ta’ Joseph Muscat. Il-pjan kien li din il-viżjoni tinfetaħ għall-familji u għaż-żgħażagħ.

Fl-2017 intefqu €2 miljun fuq sponsors u avvenimenti u fl-2018 intefqu €6 miljuni fuq l-istess settur. Dwar dan, Lionel Gerada qal li hemm kumitat responsabbli mill-isponsors u hu mhux l-uffiċjal responsabbli. Fl-2018 fil-Bord tal-Isponsors kien hemm iċ-Chairman tal-MTA Gavin Gulia, is-CEO Leslie Vella, Carlo Micallef, Kevin Borg, Alex Cutajar u hu nnifsu.

Mix-xhieda ta’ Gerada rriżulta li minkejja ż-żieda fin-nefqa, l-events organizzati mill-MTA naqsu minn tlieta għal tnejn. Taħt ir-responsabbiltà tiegħu hu kellu tliet events organizzati mill-MTA. L-attivitajiet li jaqgħt taħt id-direttorat tiegħu ma żdiedux għalkemm żdiedu l-kollaborazzjonijiet mall-MTA, qal Gerada, li spjega li l-lista ppreżentata mill-Kontroll Finanzjarju lill-PAC hi żbaljata. Fl-2017 dawn il-kollaborazzjonijiet kienu tlieta.

Irriżulta li l-ispiża għall-Isle of Malta fl-2017 kienet €1.6 miljun li telgħet għal €1.9 miljun fl-2018. Il-kuntratt oriġinali tal-Isle of MTV ilu 11-il sena. Hu ma spjegax għaliex l-ispiża għal Unite for Tomorrow Land żdied b’mod qawwi; minn spiża ta’ €100,000 fl-2017 għal €370,000. Hu qal li l-kumpaniji li kellu Tipsy Lion Ltd, li llum m’għadhiex tiffunzjona, il-kumpanija Elly & Co. li kienet kumpanija antika u l-kumpanija ‘Fly to Dance’ li kellha ‘Tlaqna Ltd’. bħala trade name.

Il-Kumitat tal-Isposnors ma jżommx minuti ta’ dak li jingħad iżda jżomm biss id-dettalji tal-proposti. Il-kumitat ta €1.14 miljun sponsor għas-Summer Days fl-eqqel tas-sajf. Dwar dan Gerada qal li dan l-isponsor ingħata għax dan hu avveniment li jsir biex Malta ma tibqax tiddependi biss mill-Isle of MTV. Is-Summer Days hu avveniment mifrux fuq ħamest ijiem. L-organizzaturi tas-Summer Days huma l-GNT Ltd. u hu rappreżentant mill-BBC Radio 1.

Gerada qal li kemm ilu hu fil-kariga introduċa ticketing system biex isir jaf kemm marru nies għall-attività u mil-liema pajjiż ġew. Il-privat għandu l-opportunità li japplika għal sponsors għal dawn l-attivitajiet.

Il-kollaborazzjoni tal-MTA hi biss li tikkordina l-organizzazzjoni bħall-pulizija, is-sigurtà u aspetti simili. Ir-risk assessment f’dan l-avveniment għamluh il-kumpanija ’41 Logistic’ b’ordni diretta għax hi waħda miż-żewġ kumpaniji li hawn f’Malta. “Kien iċ-Chairman li għażilha…ma nafx min għażilha”, ikkummenta Lionel Gerada għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Chris Said.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kkummenta li qed jirriżulta li dawn id-direct orders kienu dejjem jingħataw lill-istess kumpanija.

Lionel Gerada xehed li ma jafx min għażel lil din il-kumpanija għaliex dak iż-żmien ma kienux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dwar l-International Radio Festival, li dwaru kien hemm spiża ta’ €617,000, hu qal li l-MTA ħallset għal diversi aspetti fosthom l-akkomodazzjoni. Għal Summer Days attendew 31,000 persuna fl-2018 li 47% minnhom kienu turisti. Jirriżulta li f’Summer Days u tliet attvitajiet oħra kien hemm infieq ta’ 30,000 persuna fejn Summer Days waħdu ġġenera €13-il miljun.

Mistoqsi minn Beppe Fenech Adami dwar sponsor mill-MTA għal konferenza dinjija fuq il-kannabis medika, Lionel Gerada qal li l-MTA dejjem tħares lejn avvenimenti li jattiraw it-turisti lejn il-pajjiż. Lionel Gerada kien mistoqsi dwar l-involviment ta’ GNT Ltd u qal li ma jafx f’liema kienu involuti.