L-Oppożizzjoni qegħda tesiġi li ssir inkjesta pubblika li tistabbilixxi x’wassal għat-traġedja li fiha tilfet ħajjitha Miriam Pace, jekk sarx dak kollu li kien possibbli mill-istess Gvern u l-awtoritajiet tiegħu skont il-liġi u jekk din it-traġedja setgħetx ġiet evitata milli sseħħ. Din kienet traġedja li setgħet ġiet evitata li kieku l-Gvern ma njorax is-sinjali kollha wara l-każijiet l-oħrajn ta’ tiġrif li seħħew matul l-aħħar xhur.
Huwa l-obbligu tal-Gvern li jara li b’serjetà, b’liġijiet u infurzar tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja lill-propjetajiet ta’ terzi li jinsabu biswit siti tal-kostruzzjoni u mhux ifarfar dawn ir-responsabbiltajiet fuq terzi.
Dan apparti li jiġi indirizzat t-tħassib tal-persuni waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet. Bid-dikjarazzjoni tiegħu li jrid riforma sħiħa b’rabta mal-kostruzzjoni, l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jikkonferma dak li qalet l-Oppożizzjoni, li bid-deċiżjonijiet mgħaġġla li kienu ttieħdu u bin-nuqqas ta’ ippjanar serju, l-Gvern Laburista ma serraħ moħħ ħadd partikolarment dawk li joqogħdu fi djar qrib siti tal-kostruzzjoni. Il-Prim Ministru għandu jirrealizza li l-liġijiet serji ma jsirux wara traġedji iżda qabel sabiex it-traġedji jiġu evitati kompletament.
Għal din is-sitwazzjoni preżenti huwa responsabbli l-Gvern, u ma jistax ifarfar din ir-responsabbiltà. Ir-responsabbiltà politika wara t-traġedja tal-mewt ta’ Miriam Pace trid tinġarr mill-Ministru Laburista Ian Borg, li kien responsabbli mir-riforma u tibdil fil-liġijiet dwar l-evitar ta’ ħsara lill-propjetajiet ta’ terzi persuni, liema riforma hija ċara daqs il-kristall li falliet.
Għalhekk l-Oppożizzjoni tisħaq li għandha ssir inkjesta pubblika li tistabbilixxi x’wassal, jekk sarx dak kollu li kien possibbli biex tiġi evitata t-traġedja tat-Tnejn li għadda. L-Oppożizzjoni tisħaq li din hi responsabbiltà politika li l-Gvern Laburista għandu jġorr.
//= $special ?>