Il-Moviment Graffitti qed isejjaħ protesta mhux partiġġjana kontra s-sitwazzjoni insostenibbli li jinsab fiha pajjiżna.

Fi stqarrija Moviment Graffiti qalu li r-residenti u ċ-ċittadini jinsabu ostaġġi ta’ grupp ta’ żviluppaturi li jqis ruħu ‘l fuq mil-liġi u li għandu kontroll assolut fuq il-politika, min jagħmilha, u l-awtoritajiet li suppost jamminstrawha.
Il-protesta se ssir is-Sibt li ġej se tibda fl-10.30am minn quddiem il-Kulleġġ tas-Subien St Thomas More, f’Santa Venera u se timxi lejn is-sit tat-traġedja fejn se jsiru xi diskorsi.
Graffiti qed jgħidu li l-lobby tal-kostruzzjoni kontinwament twaqqaf ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni u tinsisti li l-profitt tagħha, mhux id-deċenza, hija l-iktar valur importanti. In-nuqqas ta’ infurzar fis-settur, il-liġijiet difettużi, il-libertinaġġ assolut fl-ippjanar, in-nuqqas ta’ sikurezza fis-siti tal-kostruzzjoni, u l-arroganza u l-prepotenza ta’ din il-lobby huma r-riżultat ta’ snin u snin ta’ donazzjonijiet u pressjonijiet fuq il-politika.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-inċident li sewa l-ħajja ta’ Miriam Pace huwa riżultat dirett ta’ din is-sitwazzjoni. Flimkien ma’ dan inżidu li l-legal notice miktuba minn Robert Musumeci tul is-sajf li għadda wara serje ta’ inċidenti simili hija l-prodott tal-inkompetenza u s-servilità lejn din il-lobby. Minn dejjem għedna li dawn l-inċidenti kienu se jibqgħu jseħħu għaliex din ir-“riforma” bl-ebda mod ma indirizzat il-problemi strutturali f’din is-sistema.
Graffiti qalu li minbarra li jesprimu l-għadab ġustifikat ta’ parti kbira mill-poplu għal dan kollu, f’din il-protesta qed jitolbu li tidħol is-serjetà u d-deċenza fl-industrija tal-kostruzzjoni. Qed jippreżentaw proposti għal riforma li ma tħallix il-piżijiet finanzjarji u loġistiċi fuq ir-residenti, li tagħti lill-ħaddiema d-drittijiet u s-sigurtà meħtieġa, li tintroduċi l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-iżviluppaturi, kif ukoll sistema ta’ punti u blacklisting.
Dawn il-proposti jinsabu online hawn.
//= $special ?>
