Ambjent Lokali Saħħa

Numru ta’ proposti min-Network tas-Soċjetà Ċivili għas-settur tal-kostruzzjoni

In-Network tas-Soċjetà Ċivili (CSN) esprima bl-ikbar forza sentimenti ta’ rabja lejn il-kundizzjonijiet illi fihom indarbet is-Sinjura Miriam Pace.

Fi stqarrija, is-CSN qal illi l-Gvern għandu jsejjaħ inkjesta li għandha tkopri kull aspett tal-każ u titlesta mill-aktar fis.

“Kull min għandu ħtija f’dak li ġara għandu jittella’ l-qorti sabiex isir eżempju lil dawk il-‘cowboys’ fis-settur tal-kostruzzjoni.It-tregħid tal-ġebel dakinhar tassew ma kienx biss fiżiku, iżda ħalla effett fond fil-kuxjenza nazzjonali Maltija”.

Għaldaqstant, is-CSN qed joffri għad-dibattitu nazzjonali lista ta’ proposti li għandhom jiġu diskussi f’konsultazzjoni pubblika biex dak illi sar din il-ġimgħa ma jerġa’ jseħħ qatt.

“Mingħajr dubju l-akbar kwistjoni illi hemm bżonn illi naffaċjaw hija dik ġeoloġika. Bħalissa qiegħed jinkixef bini ilu mibni mhux ħażin u li jidher illi ma kellux il-pedamenti sura biex jaċċertaw is-sigurtà strutturali tiegħu. Dan huwa fatt xokkanti”.

Dan ifisser illi dak li ġara lil Miriam jista’ jiġri lill-familja oħra innoċenti dalwaqt sakemm ma titteħidx azzjoni urġenti u effettiva. Fuq kollox, jeħtieġ illi s-sidien ta’ djar illi ma sarx studju xieraq meta inbnew, speċjalment dawk illi nbnew qabel it-Tmeninijiet, ikollhom għajnuna mill-Gvern biex isir studju ġeoloġiku fuq il-pedamenti tal-bini biex jassiguraw ruħhom dwar is-sigurtà ta’ darhom stess. 

Is-CSN fakkar li kien tneħħa r-rikjest studju ġeoloġiku qabel ma’ jibda ebda tħaffir. Mhux talli dan huwa pass lura, iżda llum huwa ċar x’inhu r-riżultat tal-għaġġla u l-ħeffa mingħajr proċeduri xierqa.

PROPOSTI

1.     Studji ġeoloġiċi obbligatorji qabel kwalunkwe proġett ta’ twaqqigħ ta’ bini jew tħaffir, inklużi dawk il-proġetti illi diġà ngħataw permess u beda xogħol fuqhom;

2.     Sussidju għal studji ġeoloġiċi għall-bini li nbena qabel il-80ijiet. Dan jista’ jsir permezz ta’ sussidju ta’ taxxa tal-iżvilupp għas-sidien tad-djar privati;

3.     Kontroll mill-Gvern tas-superviżjoni u r-regolarizzazzjoni tar-reġistru tal-kuntratturi u s-sospensjoni awtomatika ta’ kuntrattur ta’ kull daqs għall-ksur tar-regolamenti, fejn deċiżjonijiet biex jiġu sospiżi għandhom jittieħdu mill-aktar fis

4.     Projbizzjoni fuq it-twaqqigħ tal-bini sakemm jitlesta t-tali rapport ġeoloġiku;

5.     200% żieda fil-finanzi tal-OHSA u tal-BRO u żieda korrispondenti fl-impjegati tagħhom fit-12-il xahar li ġej;

6.     L-impjieg urġenti ta’ aktar spetturi fil-qasam tal-bini;

7.     Responsabbiltà kriminali u finanzjarja aktar ħarxa għall-iżviluppaturi u kuntratturi;

8.     Tieni assikurazzjoni mill-Gvern għad-djar ta’ persuni terzi, imħallsa mill-iżviluppaturi u li tibda malli tinfetaħ kawża l-qorti sa sena wara ma proġett jitlesta, biex jingħata serħan il-moħħ ta’ djar privati;

9.     Kull każ il-qorti jikkonċerna l-ħsara lill-bini ta’ terzi persuni għandu jiġi ttratat bħala urġenti mill-prosekuzzjoni u sentenza għandha tiġi mogħtija fi żmien 12-il xahar, ħlief għall-appelli;

10.  Periti tal-Gvern independenti għandhom ikunu ċekkjaturi fuq periti privati.