Kunsilli Lokali Lokali

PANIKU FIN-NADUR: Residenti jgħidulhom li djarhom mhux tagħhom

Numru ta’ residenti min-Nadur, partikolarment minn Triq i-Knisja u oħrajn fiċ-ċentru tar-raħal Għawdxi, jinsabu nkwetati u perplessi wara li xi nies qalulhom li darhom allegatament mhux proprjetà tagħhom.

Dawn il-persuni, saħqu li huma l-avukati tal-werrieta ta’ Richard Stagno Navarra, u insistew maċ-ċittadini li darhom hija wirt il-klijenti tagħhom – skont dokument li jmur lura s-17-il seklu. Filwaqt li qed jiġi rrapportat li xi bdiewa ċedew għat-talbiet tar-rappreżentanti ta’ dawn in-nies, li s’issa mhux magħrufa, oħrajn allegatament qed jiġu ordnati sabiex jew iħallsu tal-proprjetà tagħhom jew jitqalftu ‘l barra.

Is-Sindku tan-Nadur, Edward Said, saħaq ma’ Net News li dawn il-persuni li qed jiġu mitluba sabiex joħorġu ‘l barra minn djarhom huma ċittadini normali, nies tal-familja li kienu jgħixu ħajja normali qabel ma’ ngħataw din l-aħbar li ħasdet lil bosta.

Agħar minn hekk, ħareġ fid-deher li allegatament il-proprjetajiet, parti sostanzjali mill-lokalità tan-Nadur, ġew irreġistrata f’qasir żmien fuq isem ħaddieħor mal-Awtorità tal-Artijiet.

Edward Said iddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda kaotika u staqsa jekk dan il-pass mal-Awtorità konċernata kienx wieħed abbużiv jew le. Huwa staqsa wkoll x’ser isir miċ-ċittadini li spiċċaw f’dan l-inkwiet mingħajr mistenni?

Illum waranofsinhar mistenni jitlaqqa’ l-Kunsill Lokali fejn ser tiġi diskussa din is-sitwazzjoni li qed tħasseb lil bosta.