Seba’ timijiet tal-Formula 1 ħarġu stqarrija konġunta biex joġġezzjonaw bil-qawwi l-ftehim privat li l-FIA laħqet ma’ Ferrari dwar il-magna tal-2019. Il-ġimgħa l-oħra l-FIA ħabbret li laħqet ftehim mat-tim Taljan wara investigazzjonijiet tekniċi fil-power-unit tagħhom. Din il-kwistjoni kienet suġġett għal ħafna spekulazzjoni fl-istaġun li għadda, minħabba l-veloċità ta’ Ferrari fid-dritta.
Id-dettalji tal-ftehim inżammu privat iżda l-FIA qalet li ż-żewġ partijiet qablu fuq numru ta’ impenji tekniċi. It-timijiet li ma għandhomx magni Ferrari, jiġifieri Mercedes, Red Bull, McLaren, Renault, Alpha Tauri, Racing Point u Williams, ingħaqdu biex juru li huma xxukkjati bir-rapport u li jridu d-dettalji kollha mingħand l-FIA.
Huma qalu b’mod pubbliku li jridu d-dettalji sħaħ fuq din il-kwistjoni biex fi kliemhom jassiguraw li dan l-isport jittratta lill-kompetituri kollha b’mod ugwali u ġust. Huma żiedu li se jieħdu pariri legali quddiem il-qrati. L-istaġun tal-Formula 1 jibda l-ġimgħa d-dieħla bil-Grand Prix tal-Awstralja.
//= $special ?>