Internazzjonali

Sentejn mit-telfa ta’ Davide Astori

Kien proprju sentejn ilu, lura fl-4 ta’ Marzu tal-2018, meta d-dinja tal-futbol qamet maħsuda bit-telfa tal-futboler Taljan Davide Astori – fl-età ta’ 31 sena.

Id-difensur kien tilef ħajtu wara li sofra attakk tal-qalb mal-lejl f’lukanda f’Udine waqt li t-tim tal-Fiorentina kien qed iħejji għall-partita mill-Kampjonat kontra Udinese. Astori, li kien ukoll Captain tal-Viola kien maħbub minn bosta kemm plejers sħabu, avversarji u ankè supporters u segwaċi tal-futbol Taljan.

Din kienet traġedja li mhux biss ħasdet Firenze, iżda l-bqija tal-globu, bix-xena tal-isport tieqaf maħsuda b’mod ġenerali.

B’tifkira għat-telfa tiegħu, il-plejers flimkien mad-diretturi u l-istaff ta-Fiorentina ser ikunu qed ifakkru lill-Captain tagħhom fiċ-ċentru sportiv imsemmi proprju għalieh.

Ta’ min ninnotaw li s-supporters tal-Viola, f’kull partita, ifakkru l-memorja ta’ Davide mat-tlettax-il minuta – numru li kien jilbes fuq il-flokk u li ġie rtirat kemm mill-Fiorentina kif ukoll mill-Cagliari, klabb ieħor li kien jilgħab mieghu d-difensur.