Internazzjonali

Stati Uniti: Bloomberg jirtira mit-tellieqa għall-Presidenza

L-eks Sindku ta’ New York, Michael Bloomberg, temm it-tentattiv għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex jikkuntesta għall-White House wara l-wirja fqira tiegħu f’Super Tuesday — fejn ivvutaw 14 il-Stat Amerikan.

Filwaqt li l-eks Viċi President Amerikan Joe Biden rebaħ f’disa’ Stati — bi tliet Stati oħra jagħtu l-appoġġ lil Bernie Sanders — Bloomberg ma rnexxilux jirbaħ imqar Stat wieħed minkejja li kien nefaq aktar min-nofs-biljun dollar minn flusu fuq il-kampanja tiegħu.

Għalkemm Bloomberg kiseb ‘konsolazzjoni’ b’rebħa fit-territorju żgħir ta’ American Samoa, hu, issa, ikkonferma li qed iwarrab mit-tellieqa għan-nomina tad-Demokratiċi u li, fil-futur, se jappoġġja l-kampanja ta’ Joe Biden.

Sadanittant, rebħa f’Kalifornja għal Bernie Sanders – bħalma qed jindikaw l-exit polls – għandha tfisser li hu ikun rebaħ il-maġġoranza fost l-415-id-delegat li, fis-sajf, se jirrappreżentaw lill-‘Golden State’ fil-konvenzjoni tal-Partit Demokratiku li tikkonferma l-kandidat għall-White House.

Bernie Sanders rebaħ fl-Istati ta’ Vermont, Colorado u Utah iżda għandu jħossu diżappuntat dwar Texas — fejn ħareġ rebbieħ Joe Biden . Dan wara li Sanders, qabel, kien qed jissemma bħala il-‘favorit kbir’ fil-Lone Star State.

Ir-riżultati parzjali mill-primarji fl-Istat ta’ Maine, s’issa, ikkonfermaw tellieqa mill-aktar missielta bejn Sanders u Biden u li tista’ tmur kull naħa.