Internazzjonali Kurżitajiet

STĦARRIĠ: Il-maġġoranza taż-żgħażagħ ma jmiddux idejhom fid-dar

Uħud jammettu li m’għandhomx idea kif ibiddlu bozza.

Riċerka mwettqa fir-Renju Unit uriet li l-fatt li tkun kburi li tirranġa u tkewwes fid-dar tiegħek qed tisfuma bil-mod u minflok tqabbad lil ħaddieħor biex iwettaqlek xi tiswija.

Skont l-istħarriġ, hemm min ammetta li ħalla bozza maqtugħa għal madwar tlett ġimgħat qabel xi ħadd mill-ġenituri tagħhom bidluhielhom. Oħrajn ammettew li ma jafux ibajdu jew saħansitra jissikkaw vit.

Inqas minn kwart tal-parteċipanti saħqu li għandhom kwalitajiet ideali sabiex ifendu għal rashom filwaqt li wieħed minn tmienja ammettew li lanqas għandhom idea minn fejn jaqbdu jibdew.

Ir-riċerka uriet ukoll li kwart ieħor ma jitħarkux jirranġaw xi ħaġa huma għax jafu li m’għandhomx paċenzja għaliha jew għax sempliċiment m’għandhomx ħin sforz il-ħajja bieżla li għandhom.

Iż-żgħażagħ ammettew li l-aktar li jsibu għajnuna huwa mingħand missierhom segwit minn xi ħadd professjonali u s-sit Google.