Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ltaqa’ ma’ numru ta’ rappreżentanti minn Għaqdiet Mhux Governattivi LGBTIQ. Matul din il-laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, Adrian Delia sema’ l-opinjonijiet u l-aspetattivi min-naħa tar-rappreżentanti tal-NGOs fid-dawl tal-fehma komuni kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.
Adrian Delia qal li għandu jintbagħat messaġġ ċar li nistgħu naħdmu u nippjanaw ‘il quddiem għall-avvanz ta’ persuni LGBTIQ fis-soċjetà, biex liġijiet li ddaħħlu ma jibqgħux fuq il-karta biss iżda jkollhom effett pożittiv matul il-ħajja u fis-soċjetà tagħna. Intqal ukoll li filwaqt li hawn liġijiet li qegħdin hemm, għad hawn sens qawwi ta’ iżolament u ċertu attitudni lejn persuni LGBTIQ u għalhekk jeħtieġ iżjed edukazzjoni u għarfien dwar relazzjonijiet ta’ koppji LGBTIQ.
Fosthom ukoll ħtieġa ta’ kampanji edukattivi u għarfien dwar id-diversità, kontra l-ibbuljar u aċċess ferm ikbar għas-sapport. Temi oħrajn li ġew diskussi kienu l-beżgħat min-naħa tal-ġenituri u r-realtajiet ta’ koppji u ġenituri differenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius u minn Justin Anastasi.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm Alex Caruana mill-MGRM, Clayton Mercieca minn ARC, Joseph Peregin minn Drachma u Christian Vincent minn Checkpoint.
//= $special ?>