– Karol Aquilina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-appell tal-Oppożizzjoni hu biex ikollna Kummissarju tal-Pulizija li jkun igawdi l-fiduċja ta’ kulħadd, li jkun igawdi r-rispett ta’ kulħadd, li jkun meqjus minn kulħadd bħala l-persuna li tirrappreżenta u tiżgura l-infurzar tal-liġi, li jkun jirrappreżenta l-ordni pubbliku, li jkun jirrappreżenta l-ġlieda kontra l-kriminalità u li jkun jirrapreżenta l-ġustizzja li tant huwa meħtieġ li titwettaq f’pajjiżna f’dawn iċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu.
Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li dan hu abbozz ta’ liġi dwar il-mod li bih jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija; abbozz ta’ liġi li ma ġiex għax il-Gvern Laburista huwa konvint li pajjiżna jixraqlu li jkollu Kummissarju tal-Pulizija serju u tal-affari tiegħu imma ġie għaliex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tant iddeġenerat li l-Gvern irid jidher li qed jagħmel xi ħaġa dwarha. Jidher u mhux jagħmel xi ħaġa kif suppost, għaliex dan l-abbozz ta’ liġi huwa ċajta goffa minn naħa tal-Gvern.
Ċajta goffa għaliex il-proposta tal-Gvern prattikament tfisser li mhu ser jinbidel xejn. B’dan l-abbozz ta’ liġi, il-Kummissarju tal-Pulizija kien, għadu u ser jibqa’ jintagħżel mill-Gvern, mill-Prim Ministru, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Karol Aquilina qal li dan l-abbozz ta’ liġi mhux qed jitressaq quddiem dan il-Parlament f’ċirkostanzi normali, mhux qed jitressaq quddiemna għax fil-Korp tal-Pulizija kollox miexi tajjeb iżda qed jitressaq għax għal dawn l-aħħar seba’ snin il-Korp tal-Pulizija għadda minn martirju; għadda minn kriżi, waħda wara l-oħra, għadda minn tkissir organizzat tal-aktar affarijiet importanti għall-Korp tal-Pulizija: is-serjetà u l-osservanza tal-liġi.
Illum għandna Aġent Kummissarju tal-Pulizija għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tħalla jirriżenja mingħajr ma ġie investigat dwar dak li għamel jew li m’għamilx waqt li kien qed jokkupa kariga daqshekk għolja…dan huwa skandlu fih innifsu. Hu skandlu ikbar anke għaliex wara li rriżenja, il-Gvern minflok jinvestigah, lil Lawrence Cutajar, il-Gvern tah kuntratt ta’ konsulent!, sostna d-deputat Nazzjonalista.

minflok investigah
Il-Kummissarju tal-Pulizija jirriżenja mill-kariga tiegħu wara sensiela ta’ skandli u minflok il-Gvern jitlob li jiġi nvestigat, jippremjah billi jagħmlu konsulent dwar is-sigurtá! Daqshekk hi serja s-sitwazzjoni; u s-sitwazzjoni kompliet tiggrava anke wara li telaq Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija bl-iskandlu dwar l-extra duty fis-sezzjoni tat-traffiku fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Skandlu li ta daqqa ta’ ħarta oħra lir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.

L-għada li faqqa’ dan l-iskandlu inzertajt iltqajt ma’ Pulizija li nafu bħala persuna onestà ħafna li jekk jara l-ħażin jitkellem li ma jġib l-ebda skuża biex jevita li jieħu azzjoni u qalli ‘qed nistħi ngħid li jien fil-Korp. Sħabi stess umiljawna u ta’ fuq fuqhom remgħuna’. Irrid insellem u nirringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li dejjem imxew b’mod korrett, dejjem tkellmu meta raw quddimehom il-ħanin u li dejjem qdew dmirhom kif suppost, sostna Karol Aquilina.
Fil-qosor dan l-abbozz ta’ liġi qed jipproponi proċess li taparsi jbiddel l-affarijiet u minflok iħallu kollox kif inhu. Il-Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliku hi maħtura mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li jkun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni. Mela l-maġġoranza tal-Kummissjoni hija tal-Gvern.
Il-Kabinett jinkludi fih il-Prim Ministru u l-ministri kollha tal-Gvern u jikkontrollah esklussivament il-Prim Ministru. Il-Ministru responsbbli mill-pulizija hu maħtur mill-Prim Ministru u dejjem hu membru min-naħa tal-Gvern filwaqt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi hu mmexxi minn membru min-naħa tal-Gvern u għandu fih maġġoranza ta’ membri min-naħa tal-Gvern.

Il-Prim Ministru jibqa’ l-Prim Ministru u l-għażla ser tkun f’idejh. Fl-aħħar mill-aħħar jagħżel hu u l-proċessi kollha ta’ qabel id-deċiżjoni huma kollha kkontrollati jew minnu direttament jew inkella minn persuni tal-fiduċja esklussiva tiegħu.
Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija hija ċarissima. Aħna rridu li l-Kummissarju tal-Pulizija jibda jinħatar minn dan il-Parlament bil-vot ta’ żewġ terzi, sostna d-deputat Nazzjonalista.
L-ikbar differenza li teżisti bejn il-proposta tal-Gvern u dik tal-Oppożizzjoni hija l-kwistjoni taż-żewġ terzi. Il-Gvern qed jgħid li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jibqa’ jinħatar mill-Gvern għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-maġġoranza tal-membri ta’ dan il-Parlament huma fuq in-naħa tal-Gvern.
L-Oppożizzjoni qed issostni li biex il-Kummissarju tal-Pulizija tassew ikun igawdi l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi l-ħatra tiegħu għandha ssir bil-vot ta’ mill-anqas żewġ terzi ta’ dan il-Parlament. Jista’ xi ħadd mill-Gvern jgħidilna ftit x’hemm ħażin b’din il-proposta? Jista’ xi ħadd mill-Gvern jgħidilna għalfejn ma jridux jaċċettaw din il-proposta li tant tagħmel sens?, staqsa Karol Aquilina.
S’issa għadu ħadd min naħa tal-Gvern ma qam u spjega għalfejn din il-proposta mhix aċċettabbli għall-Gvern. Imma ovvjament aħna lkoll nafu għalfejn il-Gvern ma jridx jaċċetta din il-proposta.
Il-Gvern ma jridx jaċċetta din il-proposta għax irid jibqa’ jiddetta hu; għax irid jibqa’ jkollu xi ħadd tal-għażla tiegħu biss bħala Kummissarju tal-Pulizija, għax irid jagħżel hu mingħajr ma jindaħallu ħadd. Il-Gvern irid jibqa’ jkollu lil xi ħadd bħala Lawrence Cutajar, Ray Zammit, Michael Cassar jewPeter Paul Zammit bħala Kummissarju tal-Pulizija; kollha persuni li servew bħala Kummissarji tal-Pulizija taħt Gvern Laburista matul l-aħħar seba’ snin u li spiċċaw jew irriżenjaw għax inqabdu fi skandli jew irriżenjaw għax ma riedux aktar jagħmlu xogħlhom jew inkella irriżenjaw għax minflok isegwu l-liġi nqabdu jiksru l-liġi.
Karol Aquilina tkellem dwar il-kwistjoni tar-rwol tal-Parlament fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija u qal li l-Parlament hu fdat bl-għażla ta’ numru ta’ karigi importanti fil-pajjiż; l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali, id-Deputat Awditur Ġenerali u l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Dawn huma kollha karigi li jimtlew bil-vot ta’ żewġ terzi tal-membri tal-parlament u huma kollha uffiċjali tal-parlament. Din hi sistema li ħadmet għal ammont sostanzjali ta’ snin u li qatt ma nqalgħu problemi dwarha. Qatt ma nqalgħu problemi għax iż-żewġ naħat tal-Kamra fil-passat fehmu u għandhom jifhmu hekk sal-lum, li l-persuni li jokkupaw dawn il-karigi għandhom ikunu persuni li jgawdu l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra biex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom b’mod awtorevoli.
Il-persuni kollha li okkupaw dawn il-karigi dejjem imxew b’mod korrett; dejjem qdew dmirjiethom tajjeb, dejjem ġibdu lejhom rispett u apprezzament għal xogħlhom. Dawn il-persuni setgħu jagħtu deċiżjoni u jistennew li jiġu osservati għaliex kienu jgawdu l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra.
//= $special ?>

