Internazzjonali Saħħa

CORONAVIRUS: Stat ta’ emerġenza f’California

California ddikjarat stat ta’ emerġenza wara li ħabbret l-ewwel mewt tagħha kawża tal-coronavirus, mewta li tellgħat l-imwiet fl-Istati Uniti għall-11.

Għaxra mill-11-il mewt tal-Istati Uniti kienu fl-istat ta’ Washington.

Washington u Florida ddikjaraw stati ta’ emerġenza matul tmiem il-ġimgħa biex jgħinu jipprevjenu l-virus.

Fl-aħħar sigħat il-White House ħadet id-deċiżjoni li tespandi l-ittestjar għall-COVID-19 fuq livell nazzjonali.

Issa hemm mill-inqas 150 pazjent Amerikan irrappurtat bil-virus f’16-il stat.

L-awtoritajiet ikkonfermaw aktar minn 92,000 każ tal-virus madwar id-dinja, li minnhom aktar minn 80,000 huma fiċ-Ċina. Aktar minn 3,000 persuna mietu globalment, il-maġġoranza kbira fiċ-Ċina.

Intant, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ħabbar $50 biljun f’finanzjament għall-pajjiżi milquta mill-coronavirus.

L-organizzazzjoni wissiet ukoll li dan il-virus ta daqqa ta’ ħarta lill-ekonomija fuq livell globali.

L-IMF ħabbar li din il-miżura ta’ emerġenza ġiet wara li l-virus infirex b’mod rapidu barra ċ-Ċina, issa għal aktar minn 70 pajjiż.