Lokali

Ebda direttivi konkreti min-naħa tal-Gvern

Sa issa jidher li ma ngħatat l-ebda direttiva konkreta min-naħa tal-Gvern dwar il-prekawzjonijiet stretti li għandhom jittieħdu mill-ħaddiema rigward it-tixrid tal-coronavirus. Dan hekk f’laqgħa li l-Gvern kellu mal-Imsieħba Soċjali, ma ġie deċiż xejn b’mod definittiv.

Il-maġġor parti tal-membri tal-MCESD qablu li għandhom jitwaqqfu t-titjiriet li ġejjin mit-Tramuntana tal-Italja. Dan sabiex titnaqqas il-possibbiltà li dan il-virus jidħol f’pajjiżna.

Kien hemm kunsens ukoll fuq li għandu jinħoloq fond tal-Gvern biex kull min se jsofri danni ekonomiċi, għandu jkollu kumpens….sabiex finalment ikun hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd biex dan il-virus ma jidħolx f’pajjiżna.

F’din il-laqgħa kien hemm ukoll appoġġ għall-kwarantina mandatorja, kif spjegalna Martin Balzan President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers saħaq li l-ħaddiema m’għandhomx ibatu finanzjarjament għall-kwarantina li jkunu qed jagħmlu.

Josef Vella sostna li waqt din il-laqgħa ma ħarġet ebda direzzjoni li għandhom jimxu magħha l-postijiet tax-xogħol.

Abigal Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u medji stqarret li hemm bżonn li jkollhom aktar tweġibiet konkreti min-naħa tal-Gvern. Mamo sostniet li Malta bdiet tara effett negattiv minħabba t-tixrid ta’ dan il-virus.

Min-naħa tiegħu John Bencini, Kap tal-MCESD enfasizza l-punt li t-tħassib li għandhom l-imsieħba soċjali u min iħaddem, hemm bżonn li jiġi ċċarat.

Il-Head tat-Taqsima tat-Turiżmu u d-Divertiment fi ħdan il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Philip Fenech saħaq li għalkemm huwa importanti li nkunu kawti huwa importanti wkoll li ma nallarmawx lin-nies.

Filwaqt li hemm negozji li qed iħeġġu lill-impjegati tagħhom biex jaħdmu mid-dar, l-industrija tas-servizzi ma tistax tagħmel dan għax hemm il-bżonn li jingħata servizz minn persuna għal oħra.