Lokali Parlament

Il-gvern m’għandux il-kuraġġ jappunta Kummissarju tal-Pulizija indipendenti

– Edwin Vassallo, PN


Il-gvern qed jitlef l-opportunità li jieħu l-lezzjonijiet mill-passat; issa hu l-mument li dawk kollha mill-kamp Laburista tkellmu favur il-ġustizzja u fuq kemm ħassewhom traduti jitkellmu u jinsistu li ma jkunx il-gvern li jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-gvern m'għandux il-kuraġġ li jagħmel Kummissarju tal-Pulizija indipendenti u ma jridx ikollu l-biża' li l-Korp tal-Pulizija jinvestigah.

Dan qalu d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo meta kien qed jitkellem fil-parlament fejn qal li l-poplu ma jafx jekk il-gvern hux se jkollu seba' jew tmien kummissarji tal-pulizija minħabba l-instabbiltà li ħoloq. Hu sostna li l-gvern ma jridx li l-Oppożizzjoni jkollna sehem fl-għażla minħabba li din tista' tikkritikah. 

Il-gvern bagħbas kull Kummissarju tal-Pulizija li kien hawn fl-aħħar sitt snin, sostna Edwin Vassallo, li kompla li din il-liġi m'hi se tbiddel xejn minn dak li kien hemm qabel fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-gvern qed juri triq oħra kif jingħażel il-Kummissarju tal-Pulizija; liema triq se twassal biss għal dak li kien hemm qabel. 

Hi illużjoni li dan hu gvern ġdid għax kull ma sar hu li tbiddlu l-ismijiet. Dan hu gvern li mmina l-istituzzjonijiet. Il-problema fil-pajjiż hi li kulħadd jista' jagħmel li jrid; dan il-gvern immina l-Korp tal-Pulizija u neħħielu s-serjetà biex jineda bih kif ried ilu.

Edwin Vassallo kompla li persuni li wettqu atti ta' ħasil ta' flus għadhom jiġru barra u sostna li l-gvern jiġri biss wara ċ-ċittadin iż-żgħir iżda ma jieħux passi kontra n-nies l-kbar li qed jabbużaw. Hu qal li gvern Nazzjonalista kien jagħżel Kummissarju tal-Pulizija fuq il-merti tiegħu u l-gvern ma jindaħallux iżda dan il-gvern diġà biddel ħames kummissarji tal-pulizija.

Edwin Vassallo kompla li l-gvern qed jixpruna l-kultura tal-korruzzjoni u li l-improtanti li tasal imma mhux kif tasal. Jeħtieġ li l-għażla tal-Kummissarju ta-Pulizija tinbidel iżda mhux veru li l-gvern neħħa d-dritt tal-għażla u neħħa l-iskrutinju minħabba li lill-Kummissarju se jibqa' jagħlu l-gvern.  Id-diżonestà ħadet post l-onestà waqt l l-inġustizzja ħadet post il-ġustizzja fejn il-bniedem sar għandu prezz. Il-gvern sar l-ikbar pimp li hawn fil-pajjiż fejn is-soċjetà saret waħda marida morlament.

L-ekonomija qed tiġġarraf ukoll għaliex hi mibnija fuq ir-ramel. Hawn rabja siekta u diżillużjoni soċjali f'ġirja għall-ħatfa tal-flus. Il-perm ta' dan kollu hu l-egoiżmu u r-rgħiba  ta' riċessjoni morali li se twassal għal riċessjoni ekonomika.

Edwin Vassallo qal li l-Kummissarju jrid ikun is-sors li l-pajjiż jemmen li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir. Il-gvern hu galantom bi ħwejjeġ ħaddieħor u jagħti lilu nnifsu l-poter li jerġa' jagħżel lill-Kummissarju biex jistaħba warajh.
 
Il-poplu hu xxukkjat u maħsud b'dak li ġara. Ftit ilu pulizija nqabdu f'każ fejn dehrilhom li kellhom jitħallsu ta' sahra li ma ħadmux. Dan kien xokk ieħor għall-poplu li stenna li jara l-eżempju. 

Hu xokk li tisma' stejjer fuq gvern li wettaq inġustizzja iżda n-nies li wettqu din l-inġustizzja għadhom jiġru barra. Xokk għall-poplu kif l-iskart jitħallat fil-Magħtab waqt li l-poplu jeħel iċ-ċitazzjonijiet għax joħroġ il-borża l-ħażina.

Edwin Vassallo qal li hu xokk li hawn liġi għall-allat u liġi għall-annmali. Xokk meta l-Prim Ministru jipprova jinħeba wara l-emendi li suppost saru iżda kien hemm każ ieħor ta' kroll ta' dar li fih issa mietet mara f'Santa Venera. X'se jiġri mill-Ministru Ian Borg li għamel dawk ir-regolamenti? Min se jerfa' r-responsabbiltà? Il-poplu skandalizzat dwar kif min wettaq il-ħażin hu 'l fuq il-liġi. Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia hu xokk għall-poplu Malti u xokk ukoll għaliex ir-rifomi fil-kostruzzjoni kienu biss daħk fil-wiċċ u mietet mara.

Edwin Vassallo qal li n-normalità ma titwettaqx bir-ritratti iżda bid-deċiżjonijiet. Il-pajjiż issa għandu opportunità li jsolvi s-sitwazzjoni fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Korp mhux qiegħed biex jaqdi lill-partiti politiċi iżda biex jaqdi liċ-ċittadini kollha. Il-mod li qed jipproponi l-gvern se jerġa' jgħaddi lill-poplu Malti minn dak li għadda minnu.