Lokali

“Il-PN qed joffri s-soluzzjonijiet” – Adrian Delia

Il-PN wettaq l-aġenda billi ssospenda l-aġenda Parlamentari u ltaqa’ għal darb’oħra mal-Kamra tal-Periti

“L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed toffri s-soluzzjonijiet”. Dan qalu l-Kap tal-PN Adrian Delia meta kien qed jigi intervistat fil-programm Net Live tal-Ħamis fejn tkellem dwar l-aħħar żviluppi li seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni, hekk kif il-PN, b’differenza mill-Gvern, qiegħed jagħti l-alternattivi għal aktar sigurtà.

Fl-aħħar jiem fil-fatt kien il-PN li għamel l-aġenda l-ewwel billi ġiet sospiża l-aġenda Parlamentari, u wara billi kien l-ewwel li sejjaħ laqgħa mal-Kamra tal-Periti.

Il-Kap tal-PN qal li s-sistema li kien ħadem fuqha l-Gvern fl-aħħar snin falliet. U qal li għandu jkun li l-Gvern jaċċetta li hemm il-problemi.

“Ejja nibdew naċċettaw li hemm xi ħaġa ħażina u nieħdu d-deċizzjonijiet”

Adrian Delia qal li l-MinistruIan Borg kien intrabbat u serraħ ras in-nies li ħa d-deċizzjonijiet, madanakollu d-deċizzjoni li ħa fir-realtà kienet li jaħrab milli jieħu azzjoni.

Sistema li falliet

“F’ittra datata fit-2 ta’ Awwissu 2019, il-Ministru Ian Borg intrabat li se jimplimenta, li se jsir il-Building and Construction Regulation Framework, illi tidħol il-liġi li tirregola l-Periti u l-legal notice 136 tas-sena 2019, intrabat xhur ilu… dan it-tkaxkir tas-saqajn, din id-deċizjoni biex ma jiddeċiedux waslet illi s-sistema li għandna ma rranġajnihiex”.

“Hawn il-ħtieġa li l-Gvern jagħti direzzjoni ċara”

“Il-Gvern ta direzzjoni li kulħadd jagħmel li jrid u fejn irid, u sfortunatament illum qed inbatu l-konsegwenzi”

Il-Kap tal-PN qal li kull min għandu x’jaqsam mas-settur għandu jerfa’ ċertu sens ta’ responsabbiltà. Madanakollu Robert Abela fid-diskors tiegħu anki l-kelma responsabbiltà naqas milli jlissen fil-konfront tal-Gvern filwaqt li ta x’jifhem li l-Gvern m’għandux jerfa’ r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet fis-settur.

Adrian Delia tenna li ma jistax ikun li għax tgħix f’pajjiż li qiegħed isir l-iżvilupp, il-persuni ta’ ġo fih jgħixu fil-biża’.