Lokali

“Il-proposti ilhom li saru minn Mejju tas-sena l-oħra” – Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti tistieden lil dan il-kumitat ta' esperti li twaqqaf minn Robert Abela sabiex jgħarbel id-dokument tagħha u ma jintilifx aktar żmien sakemm jidħlu fis-seħħ ir-riformi neċessarji

Il-Kamra tal-Periti ilha mis-sena li għadiet li ħejjiet il-proposti tagħha għas-settur tal-kostruzzjoni. U huwa biss issa li l-Gvern – 9 xhur wara – waqqaf kumitat ta’ esperti biex jevalwaw ir-regolamenti dwar il-bini.

Il-proposti tal-Kamra f’dan ir-rigward, li kienu ppublikati f’Mejju 2019 f’dokument intitolat A Modern Building and Construction Regulation Framework for Malta diġà jippreżenta, fl-ewwel tliet kapitli, analiżi profonda tal-qafas preżenti tar-regolamentazzjoni tal-bini u kostruzzjoni, qafas li hu inadegwat għall-aħħar, inkluż in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, liċenzjar u taħriġ ta’ kuntratturi u ħaddiema.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet illi dan id-dokument, li ġie mfassal minn kumitat ta’ esperti fis-settur maħtura mill-Kamra, jikkonsisti f’evalwazzjoni komprensiva u fil-fond tas-sitwazzjoni preżenti, f’analiżi tal-problemi, u fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet li huma bbażati fuq riċerka dwar sistemi viġenti f’pajjiżi oħrajn.

Il-proposti tal-Kamra kienu ġew approvati mill-professjoni b’mod unanimu f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret f’Ġunju 2019.

Dan id-dokument ġie ppreżentat lill-istakeholders ewlenin, li huma l-Kamra tal-Inġiniera, il-Kamra talKummerċ, il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini, il-Bord li Jirregola l-Bini, l-Ufficcju dwar irRegolament tal-Bini, l-Aġenzija dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Għaqda Maltija ta’ liŻviluppaturi, u l- Għaqda Maltija dwar l-Assigurazzjoni. Dawn l-entitajiet u organiżżazzjonijiet kollha qablu mal-proposti tal-Kamra.

Għalhekk, għal kważi sena sħiħa, kien jeżisti kunsens fl-industrija kollha li dawn il-proposti huma kemm neċessarji kif ukoll tajbin.

Il-proposti ġew ippreżentati lill-Gvern f’Awwissu 2019. Il-Gvern dak iż-żmien kien għaraf il-bżonn ta’ riforma ħolistika tal-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni. Iżda kellu jseħħ inċident fatali biex l-affarijiet iċċaqalqu.

Għaldaqstant, il-Kamra tal-Periti tistieden lil dan il-kumitat ta’ esperti li twaqqaf minn Robert Abela sabiex jgħarbel id-dokument tagħha u ma jintilifx aktar żmien sakemm jidħlu fis-seħħ ir-riformi neċessarji.