Ambjent Lokali

Inizjattiva tal-ħaddiema ta’ Media.link u tal-PN b’solidarjetà mal-familji milquta

Il-flus miġbura se jmorru għall-Familja Pace kif ukoll il-familji kollha li fl-aħħar 12-il xahar sfaw vittma u għadhom sal-lum mingħajr saqaf fuq rashom

B’solidarjetà mal-familja Pace u l-familji kollha li fl-aħħar xhur tilfu djarhom kawża ta’ kostruzzjoni li kienet qed issir biswit ir-residenza tagħhom, illum, il-ħaddiema ta’ Media.link Communications u l-Partit Nazzjonalista qed jiġbru €10 m’għand dawk kollha li jixtiequ jgħinu lil dawn il-familji.

Dan tħabbar mit-tmexxija tal-PN fl-aħħar sigħat fejn min iċempel fuq in-numru 51602003 se jkun qed jagħti €10 li se jmorru għand dawn il-familji.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kollu se jkun qed jikkontribwixxi b’donazzjonijiet personali minn kull membru parlamentari.

Dan ser ikun qed issir illum, fil-ġurnata fejn Miriam Pace se tingħata l-aħħar tislima wara li t-Tnejn li għadda sfat vitma ta’ inċident li seħħ waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni biswit ir-residenza tagħha.

Dawk interessati li jgħinu jistgħu wkoll jiġu d-Dar Ċentrali u jippreżentaw id-donazzjonijiet tagħhom.

Il-funeral ta’ Miriam Pace se jsir illum fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, fil-Belt Valletta fis-2PM.

L-inċident tal-Ħamrun huwa eku ta’ numru ta’ inċidenti oħrajn li seħħew fl-aħħar xhur.

Fil-25 t’April tas-sena li għaddiet, kienet iġġarrfet binja qrib l-isptar St Lukes fi Gwardamangia.

Fit-13 ta’ Gunju iġġarrfet kkrollat binja oħra fi Gwardamangia, din id-darba fi Triq San Luqa. 

Fortunatament, f’dawk l-inċident ma kien weġġa ħadd direttament, madankollu, s-sidien ta’ dawn il-binjiet għadhom kollha qed jistennew li xi darba jkunu jistgħu jergħu jidħlu fi djarhom.

Fit-8 ta’ Gunju kien sehh l-incident tal-Mellieha. L-anzjana involuta, li kienet barranija, kienet mietet ftit tal-jiem wara l-kaz, f’cirkustanzi li mhux necessarjament kienu marbuta.

Il-binjiet li ġġarrfu f’dawn l-inċidenti kienu kollha jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni.