Lokali Qorti

Isir l-aċċess fuq il-post fejn inqatel Roderick Grech hekk kif il-ġuri daħal fit-tieni jum tiegħu

Meta l-ġuri ta’ Etienne Bartolo 39 sena minn Birkirkara, magħruf bħala l-“Vojt” li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena, daħal fit-tieni jum tiegħu, minn wara t-3.00pm tal-lum, beda jsir l-aċċess fuq il-post tad-delitt, li seħħ fi Triq Tumas Fenech, f’Birkirkara.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera flimkien mal-akkużat, il-ġurati, l-Prosekuzzjoni u d-difiża marru fuq il-post biex għaL stampa aktar ċara fuq dak li ġara u dan biex ikomplu jiġu mgħejjuna l-ġurati fuq il-każ. Wara l-aċċess il-ġuri mistenni jkompli jinstema’ fl-awla Qorti b’aktar xhieda mportanti.

Sadanittant meta kienet marret fuq il-post, il-Pulizija sabet il-karozza f’nofs tat-triq u rriżulta li din kienet tal-vittma. Xehdet Moira Cortis, li kienet ukoll membru tal-Korp tal-Pulizija u li toqgħod fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ id-delitt. Hija qalet kif dak il-ħin semgħet brejkijiet tal-karozza, ħorn u għajjat.

Meta ħarġet tara x’ġara, rat raġel miexi fit-triq iżomm żaqqu u jibki u jgħajjat għall-għajnuna. Hija ċemplet lill-Pulizija għall-għajnuna. Xhud ieħor kien Jean Pierre Pace, żagħżugħ minn Birkirkara li ta l-aħħar għajnuna lill-vittma, xehed kif fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, iż-żagħżugħ beda jgħajjat għall-għajnuna u jirrepeti il-frażi “il-vojt”.

Fil-Qorti x-xhud stqarr li dak il-ħin għannaq lill-vittma u bieslu rasu bħala att ta’ wens, u ma fhemx li l-vittma seta kien qed jirreferi għal-laqam ta’ min allegatament pprova joqtlu.

Is-Surġent Antoine Fenech tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fejn kellu l-inkarigu li jiġbor filmati mis-CCTV fil-post fejn sar id-delitt u postijiet oħra fl-inħawi, l-aktar fuq ir-rotta ta’ min fejn għadda bil-karozza Ford l-vittma.

Wara li spjega kif huwa ġibed il-filmati mix-xena tad-delitt u għamel xi aġġustamenti fuq diskrepanzi bejn il-ħin attwali u l-ħin meta kienu miġbura l-filmati, l-espert innota li kien hemm żball fil-ħinijiet indikati.

Dan il-fatt ġie dibatturi hekk kif il-ġurati ntlabu jirtitaw għall-ftit ħin, u dan biex tidħol proċedura meta jiġu diskussi punti legali, li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-istess ġurati.

L-Avukat Edward Gatt staqsa lis-Surġent Fenech, dwar meta nduna b’dan l-iżball. Staqsieh ukoll jekk dan il-fatt kienx spjegat waqt l-istadju tal-kumpilazzjoni u jekk kellimx lil xi ħadd dwar dan.

L-espert Fenech qal li kollega tiegħu ċċekkja diversi drabi u sab żball fit-typing, u dan kien biss il-ġimgħa l-oħra. Huwa qal li nforma lill-Avukati mill-Uffiżżju tal-Avukat Ġenerali dwar dan.

Hawn l-Avukat Gatt staqsa kif l-Avukat Ġenerali ma kellux id-diċenza li tal-anqas jinforma lill-Qorti dwar dan, dwar żball f’rapport tal-espert. Il-Prosekutur Kevin Valletta qal li huwa kien informa lill-espert li dan l-iżball għandu joħroġ fil-Qorti.

L-Imħallef Scerri Herrera ordnat lill-espert biex jipprepara verżjoni korretta tar-rapport tiegħu u jgħaddiha lill-Qorti ġurnata wara. Fuq talba tal-istess espert, l-Qorti tagħat struzzjonijiet lil wieħed mill-marixalli biex jakkumpanja lill-istess espert sal-uffiċċju, biex jiġi żgura li x-xhud ma jagħmel kuntatt ma’ ħadd, u dan sakemm huwa jtemm ix-xhieda tiegħu.


F’dan il-ġuri mistenni jixhed ukoll Jordan Azzopardi li f’każ separat qed jaffaċċja numru ta’ akkużi relatati ma’ traffikar tad-droga. Dan minħabba li allegatament hemm konnessjoni fuq droga bejnu u l-vittma.

Il-ġuri mistenni jibqa’ għaddej sal-ġimgħa d-dieħla u għandu jkompli bis-Sibt b’kollox. Sadanitattant kien fil-11 ta’ Lulju tal-2017, tliet xhur u nofs wara l-każ, li Etienne Bartolo kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Fid-digriet tagħha dak inhar, il-Qorti kienet rabtet lill-akkużat b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn ix-xhieda u jirrapporta fl-Għassa ta’ Birkirkara kuljum bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m.

Il-Qorti kienet ordnat ukoll lil Bartolo biex ikun id-dar bejn l-10.00 p.m. u s-7.00 a.m. Il-Qorti qiegħdet ukoll lill-akkużat taħt ordni proviżorja ta’ superviżjoni.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti ċivili għan-nom tal-vittma. L-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali huma l-prosekuturi f’dan il-ġuri.