Lokali

“Kellha bżonn tmut Miriam biex nindunaw li hemm xi ħaġa ħażina?” – l-Arċisqof Scicluna

“Miriam kienet omm u mara ta’ eżempju li tat imħabba kbira lill-familja, b’mod partikolari lil uliedha, u lil dan is-Santwarju.”

Hekk ġiet deskritta Miriam Pace meta fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta ingħatat l-aħħar tislima, wara t-tragedja li seħħet din il-ġimgħa fil-Ħamrun.

Miriam tilfet ħajjitha traġikament nhar it-Tnejn li għadda wara li ġġarfet darha. Il-mara li kellha 54 sena, kienet tgħix maġenb sit ta’ kostruzzjoni flimkien mal-familja tagħha

Fil-messaġġ li wassal, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li mingħajr faraġ, mingħajr tama, dan kollu ftit jagħmel sens għax ninsabu konfużi, filwaqt li ninsabu d-dispjaċuti u rrabjati għal dak li ġara.

“Konfużi bil-ġrajja li ħasdet lil Miriam, aħna nersqu lejn Ġesù u lejn Ommu nfittxu l-faraġ”

Fi knisja miżgħuda bin-nies huwa qal li l-mod kif Miriam inqatlet f’darha stess hija aħbar li ħasdet lilna lkoll, u tenna l-appell biex il-Maltin verament iħossuhom siguri f’darhom.

“Aħna nitolbu lill-awtoritajiet, lill-istat biex din it-talba ċkejkna, ċkejkna iżda importanti, iwettquha”

Vittma innoċenti u vittma tal-inġustizzja

L-Arċisqof qal li t-talba kurrenti hija dik li ssir ġustizzja għal Miriam, “mhux vendetta imma ġustizzja”. Qal li għalhekk hemm bżonn li kulħadd jagħti s-sapport lill-istat fil-ħidma tiegħu biex jazzjona din it-talba. Qal li t-talba tal-poplu hija waħda “li meta nkunu f’darna nħossuna safe”.

“Aħna rridu li ssir ġustizzja u mhux qed infittxu vendetta”

Huwa saqsa x’sens fiha li omm li ħabbet lill-familja spiċċat maqtula f’darha stess?

Omm li kienet qed tħejji l-ikel għar-raġel tagħha, u spiċċat martri ta’ żmienna.

“Miriam issa għandha dar li ma jġarrafha ħadd”

L-Arċisqof sostna li kulħadd għandu dritt idur lejn Alla u jgħid li xtaq igawdi iżjed lil Miriam u jistaqsi lil Mulej “imma għaliex?” Qal iżda li fl-istess waqt hemm ċertezza li Miriam qed titħaddan mill-ħniena tal-Mulej.

L-Arċisqof kompla billi qal li llum Miriam tinsab f’dar isbaħ milli kellha… tgawdi lil Alla fil-ġenna, u minn hemm l-istess Alla l-Missier se jagħti l-faraġ lill-familjari u lill-qraba, filwaqt li fakkar li Miriam se tibqa’ magħhom, tħobbhom u tħarishom.

Ritratti: Matthew Tabone