Internazzjonali

Linja tal-ajru vittma tal-Coronavirus

Il-linja tal-ajru reġjonali Flybe, u li kienet meqjusa bħala waħda mill-akbar fl-Ewropa qed taffaċċja problemi kbar u waqfet topera.

Il-kumpanija xahrejn ilu kienet diġà ingħatat l-għajnuna mill-Gvern tar-Renju Unit iżda dan ma kienx biżejjed hekk kif l-impatt tal-Coronavirus naqqas il-bejgħ tal-linja b’40%.

L-Awtorità tal-Avjazzjoni tar-Renju Unit qalet li l-linja tal-ajru ħassret il-vjaġġi kollha u ħeġġet lill-passiġġiera biex ma jmorrux fl-ajruporti rispettivi.

Il-Kap tal-Eżekkutiv ta’ Flybe qal li l-kumpanija ħadet il-miżuri kollha biex tipprova ssalva, madankollu dan kien l-aħħar pass biex forsi din il-linja tal-ajru jirnexxielha tibqa’ tiffunzjona.

Il-futur tal-linja għadu inċert hekk kif vittma ta’ din id-deċizzjoni mhumiex biss il-passiġġiera iżda wkoll 2,000 ħaddiem. Madwar 8 miljuni fis-sena kienu jagħmlu użu mis-servizz ta’ din il-linja tal-ajru.