Lokali

Qegħdin f’sitwazzjoni fejn kull ġurnata li tgħaddi hemm inċidenti li possibbilment jistgħu jseħħu

Il-Gvern ma jista' qatt ifarfar mir-responsabbiltà tiegħu meta huwa ċar li r-riforma għas-settur tal-kostruzzjoni li saret sena ilu falliet

“Wara t-traġedja li seħħet din il-ġimgħa, is-sentiment tan-nies bħalissa huwa li mal-pajjiż hemm siti oħrajn li jistgħu jwasslu għal inċidenti u fatalitajiet. Dan għaliex ir-riforma għas-settur tal-kostruzzjoni li għamel il-Gvern Laburista, taħt il-Ministru Ian Borg, falliet.” Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti tal-Kamra tal-Periti fil-Parlament.

Adrian Delia qal li huwa ċar li r-riforma tal-Ministru Ian Borg kienet falliment totali, tant li l-Prim Ministru Robert Abela deherlu li  jaħtar Kumitat Tekniku biex jagħmel riforma tar-riforma. Hija ħasra li filwaqt li qed tinħass l-urġenza għar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat, Robert Abela ma tax skadenza meta dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu lesti. Huwa qal li pajjiżna mhux skużi għandu bżonn iżda ġustizzja u soluzzjonijiet immedjati. Dan meta jirriżulta li hawn nuqqas ta’ infurzar li qed iwassal għal aktar abbuż u nuqqas ta’ ħarsien tas-siġurtà tal-ġirien li joqogħdu qrib siti tal-kostruzzjoni u tal-ħaddiema li jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.

Adrian Delia fakkar kif il-Gvern ftaħar b’żieda fl-iżvilupp imma l-istess Gvern qatt ma saħħaħ l-awtoritajiet u tahhom ir-riżorsi kollha possibbli biex jaraw li jsir l-infurzar tal-liġijiet u tar-regolamenti. Huwa qal li l-iżvilupp u l-bini għandu jsir, sakemm il-liġi, l-permessi, r-regolamenti, s-sengħa u d-drittijiet tal-ġirien u n-nies fi djarhom jiġu rispettati. Mhux aċċettabbli li persuni jgħixu fi djarhom imħassbin għax joqogħdu f’postijiet qrib siti tal-kostruzzjoni. Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista ma jistax jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu u joqgħod iwaħħal f’kulħadd, iżda għandha tinġarr ir-reponsabbiltà politika. Mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jibqa’ jwassal l-aqwa rakkomandazzjonijiet u proposti għas-settur tal-kostruzzjoni u se jinsisti li l-proposti leġislattivi u miżuri sabiex jissaħħaħ l-infurzar biex jinqata’ l-abbuż jiddaħħlu minnufih.

Min-naħa tagħha, l-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet li l-industrija kollha għandha tort għaliex ħalliet li l-affarijiet jaslu sa dan il-punt. Hija qalet li hemm bżonn ta’ riforma għall-industrija. F’Mejju tas-sena li għaddiet, il-Kamra tal-Periti kienet ipproponiet qafas b’riforma kif is-settur tal-bini u tal-kostruzzjoni jista’ jitjieb. Dan permezz ta’ dokument li ġie diskuss mal-istakeholders ewlenin. Simone Vella Lenicker qalet li qed tistenna li l-kumitat tekniku li ħatar il-Prim Ministru jikkunsidra l-proposti tal-Kamra tal-Periti, li hija dejjem miftuħa għad-diskussjonijiet biex jitħarsu s-saħħa u sigurtà fl-industrija.

Matul din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus. Id-delegazzjoni tal-Kamra tal-Periti kienet magħmula mill-President Simone Vella Lenicker, Il-Viċi President Andrè Pizzuto, s-Segretarja Onorarja Amber Wismayer u l-Membru tal-Kunsill Lara Brincat.