Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi wara li waqa’ madwar sular

Raġel ta’ 37 sena, residenti l-Ħamrun, sofra ġrieħi gravi f’inċident fil-Belt Valletta.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Mediterran.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel, li kien qed jagħmel xi xogħol fi propjetà, għal xi raġuni waqa’ minn għoli ta’ madwar sular u nofs minn fuq sellun.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lir-raġel u ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-kura meħtieġa. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan l-inċident.