Lokali

Sinjal ta’ luttu fil-Freeport

Il-Freeport sebaħ b’sinjal ta’ luttu hekk kif il-kumpanija li tinsab fil-Port Ħieles uriet rispett lejn il-kollega tagħha billi għamlet il-bnadar mezzasta.

Il-bandiera tal-Partit fuq il-binja tad-Dar Ċentrali wkoll tinsab mezzasta. Numru ta’ każini tal-PN ukoll tellgħu l-bandiera mezzasta.

Ir-raġel ta’ Miriam Pace, il-vittma tal-inċident li seħħ it-Tnejn li għadda, huwa ħaddiem tal-Freeport u infatti l-istess kollegi qed jagħmlu ġabra biex jgħinu lill-familja Pace bl-aħjar mod possibbli f’dan il-mument tant diffiċli.

Fl-aħħar jiem kien hemm numru ta’ inizjattivi bħal dawn minn bosta, fost oħrajn illum, il-ħaddiema ta’ Media.link Communications u l-Partit Nazzjonalista qed jiġbru €10 m’għand dawk kollha li jixtiequ jgħinu lil dawn il-familji milquta li tilfu djarhom kawża ta’ kostruzzjoni li kienet qed issir biswit ir-residenza tagħhom.

Il-funeral ta’ Miriam Pace se jsir illum fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, fil-Belt Valletta fis-2PM.