Lokali Qorti

Somalu mixli bi stupru fil-konfront ta’ tliet tfajliet minuri Maltin

Somalu li qal li għandu 24 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li stupra tliet tfajliet Maltin taħt l-età u li allegatament wara li kien qed jużahom għall-favuri sesswali u nvolviment fid-droga

L-Ispetturi John Spiteri u Jonathan Cassar ressqu lil Abdiladeef Abdirahman Hassan u akkużawh b’pusses tad-droga kannabis, traffikar ta’ minuri għall-attivitajiet illegali, stupru, korruzzjoni ta’ minorenni, parteċipazzjoni ta’ attivitajiet sesswali ma’ persuni taħt l-età, arrest illegali u li fera waħda mit-tfajliet.

L-Ispettur Spiteri nforma lill-Qorti li l-Vice Squad u l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga kienet qegħdin josservaw movimenti ta’ tliet tfajliet taħt l-età li filli jisparixxu u filli jerġgħu jfeġġu u li kemm il-darba ma kienx ikun magħruf fejn dawn kienu jmorru u jaħarbu mill-istituzzjoni li qegħdin fiha.

Il-bniet li waħda minnhom għandha 13-il sena u t-tnejn l-oħra 14-il sena kienu jmorru lura fejn jabitaw b’affarijiet ġodda, bħal mobajls, qalet il-Pulizija. L-aħħar darba iżda, fuqhom kellhom id-droga kannabis grass.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li s-Somalu kien jagħti l-flus lit-tfajliet biex jixtrulu d-droga. Huwa kien ikollu wkoll x’jaqsam sesswalment magħhom, li kienu wkoll ikunu fil-preżenza ta’ sħabhom waqt li kienu qegħdin ikunu abbużati.

Waqt li Hassan kien qed jiġi arrestat, Hassan qabeż minn tieqa li tagħti għall-propjetà ta’ wieħed mill-ġirien tiegħu. L-Avukat Martin Fenech, li ġie appuntat bħala avukat tal-għajnuna legali, qal li ma kienx qed jikkontesta l-validità tal-arrest.

Fil-Qorti, anke jekk jidher ferma akbar, Hassan qal li għandu 24 sena. Tenna li huwa joqgħod mal-ħbieb tiegħu Birżebbuġa u li jaħdem ġewwa fabbrika. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Madankollu ma saritx talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju. Il-Qorti ordnat biex l-ismijiet tat-tliet allegati vittmi ma jissemmewx għal raġunijiet ovvji.