Internazzjonali

Afganistan: Għexieren ta’ mejtin u midruba waqt attakk fuq ċerimonja f’Kabul

Grupp ta’ rġiel armati f’Kabul attakkaw ċerimonja li kienet organizzata għall-anniversarju tal-qtil ta’ mexxej tal-minoranza u fejn spiċċaw jitilfu ħajjithom tal-anqas 30 persuna, b’għexieren jisfaw midruba.

L-ammont tal-vittmi (inklużi nisa u tfal) kien mistenni jiżdied, bil-President tal-Afganistan, Ashraf Ghani, jirreferi għall-azzjoni qattiela bħala ‘reat kontra l-umanità’ filwaqt li enfasizza li l-vjolenza kienet diretta kontra l-impenn tal-Afgani għall-għaqda nazzjonali.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm l-Ogħla Eżekuttiv tal-Afganistan, Abdullah Abdullah, flimkien mal-eks President Afgan, Hamid Karzai, li t-tnejn inexxielhom jaħarbu, qawwijin u sħiħ mill-inħawi.

Filwaqt li d-dettalji dwar l-attakk baqgħu xi ftit konfużi, jidher li l-istraġi fil-kapitali kienet ‘inawgurata’ b’missila li niżlet fiz-zona fejn kien hemm numru ta’ politiċi u mexxejja li kollha jidhru li salvaw.

Dak il-ħin, l-eks Viċi-President Afgan, Karim Khalili, kien qed jagħmel diskors tal-okkażjoni li kienet qed tintwera dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Afgani –bl-istess Khalili, imbagħad, jinqabad fuq filmat ieħor waqt li kien qed jiġri għall-kenn.

Intant, bdew jiċċirkulaw diversi filmati ta’ nies qed jiġru f’paniku fl-inħawi tal-kapitali fost l-isparar kontinwu, bil-vittmi jkomplu telgħin aktar ma bdew jidħlu rapporti aġġornati dwar il-kaos.

Il-grupp militanti tat-Taliban ċaħad li kien responsabbli għall-attakk fuq l-uffiċjali u ċittadini preżenti għaċ-ċerimonja li kienet qed tfakkar lil Abdul Ali Mazari, kap tal-grupp etniku Hazara (magħmul fil-parti kbira minn Musulmani Xiti), li kien inqatel fl-1995 wara li spiċċa priġunier ta’ dawk il-militanti.

Il-massakru fil-qalba ta’ Kabul seħħ anqas minn ġimgħa wara l-Istati Uniti u t-Taliban iffirmaw ftehim li għandu jwitti t-triq għall-irtirar totali ta’ suldati barranin mill-Afganistan f’perjodu ta’ 14-il xahar.

Sadattant, l-inċidenti ta’ ġlied ma naqsux madwar l-Afganistan u diġà qegħdin ibattu t-tamiet li dan il-ftehim għandu jwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-vjolenza u d-dmija li ilhom jifnu lill-pajjiż għal dsatax-il sena.

Proprju sena ilu kienu nqatlu wkoll numru ta’ nies waqt attakk simili kontra l-istess kommemorazzjoni (ta’ Abdul Ali Mazari), bil-moviment terroristiku ISIS, wara, jieħu responsabbiltà għalih.