Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: L-MSC Opera mhux se jiddaħħal Malta wara l-“allarm tal-pubbliku”

Il-vapur MSC Opera, li fil-jiem li għaddew kellu abbord passiġġier li rriżulta pożittiv għall-Coronavirus, ma tħalliex jidħol fil-port Malti.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li din id-deċiżjoni ttieħdet sempliċiment għax tqajjem l-allarm fost il-pubbliku, hekk kif il-possibbiltà li dan il-vapur seta’ jiddaħħal f’pajjiżna kien deskritt bħala riskju kbir u għalxejn mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM).

Fi stqarrija maħruġa minn Kastilja, il-Gvern waħħal fil-paniku li qam fost in-nies u fil-media għal dan l-allarm żejjed għax skont hu, il-bastiment xorta dahal f’portijiet oħrajn Ewropej.

Iżda ma’ NET News, il-President tal-MAM Martin Balzan qal li l-Assoċjazzjoni kienet lesta ssejjaħ azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha għax ħasset li mhux aċċettabbli li jkun aċċettat riskju kbir bħal dan, aktar u aktar meta dan il-cruise liner fil-passat qatt ma daħal f’Malta.

L-aħħar port li kien sorġut fih kien dak ta’ Korfu, fil-Greċja, b’2,302 passiġġier abbord. Minkejja li fil-jiem li għaddew, fuq dan il-vapur, kien hemm Awstrijak li nstab pożittiv għall-Covid-19, fil-vjaġġ attwali ma jidher li hemm ħadd infettat mill-virus.

Mill-port Grieg, għal xi ħin il-vapur deher riesaq lejna, iżda issa aktarx li se jkun qed jieqaf ‘il barra mill-port Malti. B’sempliċi tfittxija fuq l-internet, wieħed malajr jista’ jsib ir-rotta li qed jagħmel dan il-bastiment tat-turisti.

Is-Sovrintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci mill-ewwel appellat biex il-cruise liner ma jitħalliex jidħol, għalkemm jidher li saret “pressjoni ulterjuri minn barra” biex dan jitħalla. Dan il-fatt wassal għall-kritika tal-MAM daqskemm tal-MAPHM, li esprimew fiduċja fil-pożizzjoni meħuda minn Charmaine Gauci.

Min-naħa tagħha, fi stqarrija, l-MAPHM qalet ukoll li kieku l-cruise liner iddaħħal f’Malta, kien ifisser li l-persuni abbord kien ikollhom jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina f’pajjiżna stess.

Barra minhekk, kien ikollu jsir proċess twil biex ikunu ttestjati l-aktar minn 2,000 passiġġier u l-ekwipaġġ abbord, tant li ma tkunx tagħmel sens li l-vapur jitħalla jidħol. L-MAPHM temmet tgħid li l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika għandu jkollhom diskrezzjoni kompluta fid-deċiżjonijiet ta’ x’inhu l-aħjar għas-sigurtà u s-saħħa pubblika tal-poplu kollu.