Futbol Sport

Alisson se jitlef il-konfront kontra Atletico Madrid

(Ritratt: EPA)

Il-gowlkiper ta’ Liverpool Alisson sofra injury f’ġenbu u se jitlef il-logħba kruċjali kontra Atletico Madrid, mill-fażi tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League. Alisson tħalla barra mit-telfa ta’ 2-0 kontra Chelsea fl-FA Cup it-Tlieta li għadda. Adrian lagħab minfloku u għamel żball fl-ewwel gowl, b’testijiet wara żvelaw li l-internazzjonali Brażiljan jista’ jdum barra aktar milli maħsub.

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp ikkonferma li se jitlef il-logħba tal-lum kontra Bournemouth kif ukoll kontra Atletico Madrid, b’Liverpool iridu jdawru l-iżvantaġġ ta’ 1-0 mill-ewwel logħba. “Fit-taħriġ qabel il-logħba kontra Chelsea, kellu inċident żgħir u ħsibna li ma kienx xejn. Hu ma kienx se jilgħab xorta imma kien se jkun fuq il-bank tas-sostituti.”

“Imbagħad ħsibna li ma niħdux riskji u ħallejnieh barra mill-iskwadra. Hu kellu scan il-ġurnata ta’ wara u sabu xi ħaġa. Il-ġimgħa d-dieħla barra żgur imbagħad naraw. Hi fil-parti ta’ ġenbu, tista’ tagħmel ix-xogħol kollu imma għall-gowlkiper professjonali hi sitwazzjoni ftit differenti. Irridu niġġudikaw is-sitwazzjoni. Wara l-waqfa internazzjonali żgur. X’jiġri qabel irridu naraw,” qal Klopp.

Klopp kompla li għall-konfront kontra Atletico Madrid, Liverpool jistgħu jilqgħu lura lil Jordan Henderson, bil-Ġermaniż jikkonferma li l-captain tat-tim mhux se jilgħab illum.