Lokali

Etienne Bartolo jgħid li beża’ mill-vittma filwaqt li Jordan Azzopardi jibqa’ sieket dwar 700 telefonata u l-laqam ta’ El Chapo

Etienne Bartolo kien qal lill-Pulizija li r-raġuni li huwa ta daqqa ta’ sikkina lil Roderick Grech wara li qala’ daqqa ta’ ponn – u beza’ minnu filwaqt li Jordan Azzopardi, li qed jiġi mixli b’akkużi ta’ traffikar u pusses ta’ droga, ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u armi ma kkonfermax li huwa ċempel lill-vittma madwar 700 darba u li huwa mlaqqam El Chapo.

Jordan Azzopardi, allegatament kellu konnessjoni ma’ Roderick Grech, li nqatel f’Birkirkara tliet snin ilu billi allegatament dan kien ukoll wieħed mill-lavranti tiegħu. Huwa għażel li prattikament ma jwieġeb għal ebda domanda li saret lilu. Huwa għażel biex ma jweġibx sabiex ma jinkrimiax ruħu, dritt ta’ tagħtih il-liġi.

Jordan Azzopardi kien ix-xhud prinċipali tal-ġurnata f’ġuri li daħal fit-tielet jum tiegħu fejn Etienne Bartolo 39 sena minn Birkirkara, magħruf bħala l-“Vojt” jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena, liema delitt seħħ fid-29 ta’ Marzu tal-2017.

Qabel ma’ daħlu l-ġurati fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar l-Imħallef Consuelo Scerri Herrea infurmat lil Jordan Azzopardi li f’każ li jkun hemm xi domandi li jistgħu jitfgħu l-ġebla fuq saqajh jista’ ma jweġibhomx. Madankollu domandi oħra irid jwieġhom għalihom.

Huwa l-ewwel ġie muri lilu dokument mill-Avukat Francesca Spiteri, f’isem il-Prosekuzzjoni dwar kiri ta’ karozza, li huwa għaraf li din kienet kirja fuq ismu ta’ Ford Fiesta, u li kien kriha fit-22 ta’ Marzu tal-2017.

Minn hemm il-quddiem Jordan Azzopardi iddeċieda li ma jwieġeb għal ebda domanda li saritlu, lanqas minn naħa tad-difiża. Dwar min kien qed isuq il-karozza fil-lejl tal-qtil, Azzopardi għażel li ma jwieġibx fejn qal li huwa għandu każ pendenti fil-Qorti u qed jibża’ li jinkrimina ruħu.

Wara nqratlu x-xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, li huwa stess ta fuq Roderick Grech, dwar jekk kienx sellfu xi karozza u li hu kien wieġeb fl-affermattiv, li iva kien fl-2017, u dwar dan reġa’ għażel li ma jweġibx.

L-Avukat Mark Vassallo għan-nom tad-difiża staqsa lix-xhud jekk jiftakarx li kien xehed quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u li kien ta xi dettalji u hawn ukoll, u Azzopardi reġa’ ma riedx iwieġeb, bl-Avukat Vassallo qallu li kien se jfakkru x’kien qal f’ġurnata partikolari.

Azzopardi kien qal li kien kera karozza mill-Gżira u li din kien kriha xi darbtejn minn għandu. Qal li kien kriha ukoll lil Roderick Grech, bejn it-28 jew 29 ta’ Marzu tal-2017.

Kien xehed li lil Roderick kien jafu għax ħabib tiegħu minn Birkirkara. “kont selliftu l-karozza għax staqsieni għaliha, u għadtlu mhux problema, kont għamiltlu pjaċir żgħar, mhux pjaċir kbir dan” kien qal Azzopardi fl-ewwel Qorti.

Kien qal li huwa jaħdem storekeeper ma’ kumpanija tal-iskart u li ġieli kien bla karozza għax ommu, missieru u t-tfajla kellhom waħda, u ma għalhekk kien jirranġa. Kien qal li f’din il-karozza ġara xi ħaġa, weġġa Roderick u miet u jiftakar li kien talabielu xi jumejn qabel ma miet.

Hawn l-Avukat Vassallo qralu numru ta’ mobajl, u dan kienx tiegħu, staqsih fuq il-kirja ta’ karozza u għalxiex kriha u d-data meta kriha u għal dawn id- domandi huwa reġa’ tenna li mhux se jikkummenta. Ġie mistoqsi jekk hux minnu li seliffilu l-karozza u jekk hux minnu li ċempel lill-vittma madwar 700 darba.

L-Avukat Difensur staqsieh ukoll jekk Roderick Grech kienx wieħed mill-lavranti tiegħu, dejjem kif kien qal hu, u x-xhud reġa’ għażel li ma jikkummentax, kif għażel li ma jikkummentax li qala’ ċitazzjoni kif u jekk ċempilx lill-vittma meta dan qala’ ċitazzjoni u li għamel l-istess dwar jekk hu għandux il-laqam ta’ El Chapo.

Sadanittant Etienne Bartolo beża’ meta qala’ daqqa ta’ ponn fuq spalltu u kien għalhekk ta daqqa ta’ sikkina lil Roderick Grech. Ried jixtri d-droga mingħandu u l-vittma ma riedx jagħtih minħabba li l-akkużat ma kellux flus. Huwa dejjem kien jixtri d-droga mingħandu u kien lest li jħallsu l-għada.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ uffiċjal tal-Pulizija li jaħdem fl-iskwadra ta’ kontra l-omiċidji meta l-ġuri daħal fit-tielet jum tiegħu fejn Etienne Bartolo 39 sena minn Birkirkara, magħruf bħala l-“Vojt” jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech ta’ 26 sena, liema delitt seħħ f’Marzu ta’ tliet snin ilu.

Ix-xhud qal li hu kien preżenti għall-istqarrija fil-konfront tal-akkużat li kkopera mal-Pulizija. Tenna li huwa kien qalilhom li kien se jiltaqa’ ma’ Roderick Grech biex jixtri d-droga n-Naxxar.

Kien daħal fil-karozza tal-vittma u bdew jargumentaw minħabba li Roderick ma riedx jagħtih droga għaliex ma kellux flus. Huma saqu lejn Birkirkara bl-akkużat jgħidilhom li l-vittma ta daqqa ta’ ponn u li huwa tah daqqa ta’ pocketknife għax beża’ minnu.

Ix-xhud qal li Bartolo kkopera mal-Pulzija u qalilhom li ċempillu bil-mobajl biex jiltaqgħu. Ħareġ ukoll li Roderick Grech ma kienx armat. L-ewwel xhud tal-ġurnata kiien s-Surġent Antoine Fenech li kompla fuq ix-xhieda tal-Ħamis li ghħadda wara li kien informa lill-Qorti li kien hemm xi diskrepanzi fil-ħinijiet tal-filmati miġbuda dwar il-movimenti tal-vittma. .

Huwa beda jfiehem lill-ġurati u l-partijiet dwar il-movimenti ta’ Roderick Grech, li għadda mill-inħawi ta’ Triq Naxxar Birkirkara, minn fejn Falzon Service Station u għadda wkoll mill-inħawi tal-Għassa tal-Pulizija. Qal li d-direzzjoni tal-karozza kienet ġejja minn wara l-Knisja ta’ Birkirkara.

Mill-filmati li ma kienux ċari minn kullimkien pero jidher li l-karozza waqfet li l-karozza waqfet tliet minuti qabel is-1.00am. Deheret persuni miexja lejn il-karozza u qasmet it-triq u li din kienet ġejja minn naħa Triq Nazju Falzon.

Fenech qal li fil-filmat jidher li 13-il minuta wara kien hemm persuna miexja lura. Qal iżda li ma jistax jgħid jekk kinitx l-istess persuna jew le. Wara l-ġurati bdew jintwerew il-filmati meħuda mis-CCTV.

Qamet kwistjoni dwar jekk persuna li kienet għaddejja mill-inħawi kinitx liebsa hoodie kif kien hemm min allega, fejn skont ix-xhud dan kien liebes ġakketta. Dwar dan il-punt l-Avukat Difensur Edward Gatt xtaq konferma.

Wara spezzjoni mill-filmati li kienu qegħdin jintwerew deher li r-raġel kien liebes ġakketta biż-żip u li magħha kien hemm hoodie.
Wara telegħet tixhed Kuntistabbli mara stazzjonata fl-Għassa ta’ Birkirkara dwar jekk l-akkużat Etienne Bartolo kellu liċenzja biex iżomm arma, hija wieġbet fin-negattiv.

Joseph Mallia, espert tal-marki tas-swaba kien ix-xhud li jmiss li qal li eżamina l-pala ta’ jdejn tal-akkużat. Qal li huwa kkumpara prints li ttieħdu fl-istadju ta’ meta l-każ kien għadu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, u dawn il-prints għandhom x’jaqsmu ma’ dawk meħuda mix-xena tad-delitt.

Wara tela’ jixhed Vincent Azzopardi li huwa dealer tal-karozzi u kien mistoqsi fuq karozza partikolari tal-marka Ford Fiesta. Huwa kkonferma li din il-karozza kienet tiegħu u wara li ġie ppreżentat b’dokument qal li huwa kien kera din il-karozza lil Jordan Azzopardi fit-22 ta’ Marzu 2017.

L-Avukat Mark Vassallo staqsa lix-xhud dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ Jordan Azzopardi, li qal li huwa kien kellmu fuq it-telefon u li rah biss darba. L-Avukat staqsih jekk kienx jafu sew u li kellu relazzjoni tajba miegħu u li anke kien iħallsu mingħajr problemi, u li anke kien isellfu xi flus meta kien ikollu bżonn.

Ġie determinat li huwa kien kera karozza Chevrolet, u li kien kera din ukoll qabel-Fiesta lil Jordan Azzopardi, u baqa’ jinsisti li dejjem kellem lil Jordan Azzopardi fuq it-telefon. Il-Fiesta qal li kien tahielu flok ix-Chevrolet li kellha żewġ roti difettużi.

L-Avukat Vassallo qal lix-xhud li mir-rekords tat-telefonati jidher li kien ċempillu il-vittma Roderick Grech, telefonata ta’ żewġ minuti minħabba il-karozza, u dan qallu “jien il-lavrant ta’ Jordan”. Qal li Jordan u Roderick kienu marru għaliha fil-ġurnata tal-Ħadd, anke jekk ma jiftaħx f’dik il-ġurnata.

L-Avukat Vassallo staqsa lil Azzopardi għaliex il-kirja bdiet fit-22 tax-xahar u mhux fid-19, meta suppost ħadu l-karozza. Hemm diskrepanza fil-kirja. “Jista’ jkun għamiltu l-kuntratt wara, jew ma kontx tagħmel karti, u li vera ma kontx taf lil Jordan Azzopardi, għax l-istess Jordan Azzopardi ma qalx kif qed tgħid int”.

Ix-xhud baqa’ jgħid li ma jafux u li kull ma kien jagħmel kien li jċempillu għall-ħlas. Il-kirja kienet kważi xahar u ma jiftakarx kemm il-darba ċempillu għall-flus, u lil kulħadd kien jagħmel hekk.

Qal ukoll fuq mistoqsija tal-Avukat jekk Jordan kienx qallu li hu ma jistax isuq minħabba li ma kienx inxurjat u tenna li hu jara l-liċenzja u jikri lil dak li jkun. Sostna wkoll li hu mhux dejjem ikun il-garaxx u ġieli jieħu ħsieb ħaddieħor.

L-Avukat Vassallo qallu li għal flus kien iċempillu daqstant drabi għax skont ir-rekords ċemplu lil xulxin 15-il darba. “Fil-21 ta’ Marzu ċemplitlu fit-2.50pm. 3.15pm. 3.21pm. u 4.53pm. u l-għadu saru sitt telefonati. Kontu ħbieb jew kont iċempillu għax xi ħaġa oħra?” Huwa baqa’ jiċħad.

Qallu li anke dak inhar tal-inċident ċempillek u anke l-għada ċempillek Jordan Azzopardi. Ix-xhud qal li l-ewwel ċemplulu l-Pulizija u wara Jordan Azzopardi u tkellem miegħu għax il-karozza kienet ħwejjġu. Qal li minn hemm il-quddiem ma krielux karozzi aktar.

Qal li lil Roderick Grech ma jafux u rah darba meta kien mar għandu l-Ħadd għall-karozza b’karozza bil-ħsara. Qal li kien qallu li aħjar ma jsuqix il-karozza għax din ma kinitiex qed tinkera lilel, imma lil Jordan Azzopardi.

Uffiċjal mill-Iskwadra ta’ kontra l-Omiċidju kien ix-xhud ta’ wara li qal li kienu marru biex jagħmlu tfittxija fir-residenza il-vittma d-dar ta’ missieru, li kien qalilhom li hu ma kienx hemm għax kien xogħol Ħad-Dingli.

Tenna li kienu kellmu lil missieru fuq il-mobajl. Wara t-tfittxija kienet saret u fil-kamra tas-sodda tal-vittma instab żarbun sportiv b’tikkek ħomor u affarijiet oħra bħal tracksuit griża li jidher li kienet ġiet maħsula.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti ċivili għan-nom tal-vittma. L-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali huma l-prosekuturi f’dan il-ġuri.