Ambjent Lokali

FILMAT: Misjub mansab illegali fil-Forti Rikażli

Ħidma investigattiva li għamlet BirdLife Malta wasslet għall-identifikazzjoni ta’ mansab fil-Kalkara, li fil-passat kien diġà ġie rrappurtat lill-Pulizija għall-insib illegali.

Wara li ttieħed filmat tal-inħawi, sar rapport ma’ Uffiċjali tat-Taqsima tal-Pulizija tal-Administrative Law Enforcement (ALE), li marru fil-post u sabu xbieki u għadd ta’ għasafar maqbuda miżmuma illegalment f’gaġeġ.

Fi stqarrija, BirdLife Malta fakkret kif issa li r-Rebbiegħa tinsab ftit jiem bogħod, għal ħafna speċi ta’ għasafar, il-passa tkun diġà bdiet. B’każijiet bħal dawn, ta’ insib illegali, l-għasafar li jpassu minn fuq Malta diġà qed jitpoġġew fil-periklu.

Skont l-investigazzjoni ta’ BirdLife Malta, il-mansab mhux irreġistrat instab fil-Kumpless tal-Forti Rikażli, li hu propjetà tal-Gvern Malti u li l-parti l-kbira tiegħu fil-preżent hi mikrija lill-Kummissjoni Maltija tal-Films.

L-Uffiċjali tal-ALE neħħew ix-xbieki, li kienu mitluqin għal riħhom u mingħajr l-ebda sorveljanza, filwaqt li kkonfiskaw 23 għasfur protett li kienu qed jinżammu fil-magħluq. Min-naħa l-oħra, kompliet tispjega BirdLife Malta, minkejja li ntalab l-intervent ta’ esperti tat-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Wild Bird Regulation Unit), jidher li din ma kellhiex ir-riżorsi adegwati biex tassisti.

Għaldaqstant, il-Pulizija kellhom iduru fuq l-esperti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li għinu biex ikunu identifikati l-għasafar konfiskati, fosthom bliebel, pitirrossi, żiemel, diżż, sponsuni u ġojjini. Dawn ġew eżaminati minn Veterinarju u aktar tard, twaħħlilhom ċurkett qabel ma nħelsu minn BirdLife Malta fir-Riserva Naturali tal-Għadira.

Il-kundizzjoni ta’ ħafna mill-għasafar kienet ħażina minħabba l-mod kif kienu qed jinżammu. Dan minħabba l-fatt li l-mansab kien armat bix-xbieki fl-art, bl-għasafar miżmuma fil-post u uħud minnhom b’tali mod li jintużaw bħala lixka għal għasafar oħrajn. Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.