Futbol Sport

Floriana f’konfront diffiċli kontra Sirens, Gżira u Birkirkara f’konfront dirett

Fl-ewwel rawnd Floriana għelbu lil Sirens 4-1 (Ritratt: Catriel Farrugia)

Wara l-waqfa għall-FA Trophy, ikompli l-Kampjonat BOV Premier bil-partiti Floriana kontra Sirens u Gżira kontra Birkirkara huma t-tnejn l-aktar li jispikkaw għal raġunijiet differenti fi tmiem din il-ġimgħa. Sliema kontra Senglea hija partita importanti għaż-żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Iċ-Champions Valletta jiltaqgħu kontra Gudja United u jittamaw li jirrepetu dak li għamlu fl-FA Trophy wara li fil-kwarti finali għelbuhom 2-0. Logħba oħra bejn żewġ timijiet li ltaqgħu fil-kwarti finali tal-FA Trophy tkun dik bejn Hibernians u Ħamrun, b’ Hibernians jirbħu l-konfront ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet 2-1 wara l-ħin barrani.

Floriana v Sirens

Floriana jaffrontaw lil Sirens f’logħba li tista’ tkun delikata għat-tim ta’ Vincenzo Potenza. Floriana għadhom ġejjin minn rebħa kontra Birkirkara fl-FA Trophy, partita li l-Greens ħarġu rebbieħa wara l-għoti tal-penalties. Sirens kienu s-sorpriża ta’ dan il-kampjonat u jittamaw li jagħtu gambetta lil Floriana fit-tellieqa għar-rebħ tat-titlu u jkomplu jersqu viċin li jksbu post fl-Ewropa.

Gżira United v Birkirkara

Fl-Istadium Nazzjonali Gżira jiltaqgħu kontra Birkirkara. Iż-żewġ timijiet jinsabu fit-taqtigħa biex jiksbu post fl-Ewropa bil-Maroons mmexxija mill-eks kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit għad għandhom xaqq ta’ dawl għar-rebħ tal-kampjonat. It-tim ta’ Andrè Paus kien għaddej minn forma tajba, iżda l-eliminazzjoni mill-FA Trophy jaf taffettwa xi ftit il-moral tal-Karkariżi. Fl-ewwel rawnd Gżira kienu ħarġu rebbieħa minn dan il-konfront bl-iskor ta’ 3-1 iżda fi tmiem il-ġimgħa se jaffaċċjaw tim li għaddej minn forma kompletament differenti minn ta’ dakinhar.

Ħamrun Spartans v Hibernians

Dan il-konfront se jkun it-tielet wieħed bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun. Fl-ewwel konfront Ħamrun għelbu lil Hibernians 2-1 filwaqt li Hibernians eliminaw lil l-istess Ħamrun fl-FA Trophy fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Il-forma taż-żewġ timijiet f’dan il-kampjonat kienet xi ftit inkonsistenti, minkejja dan Hibs xorta waħda għadhom biċ-ċans għar-rebħ tal-kampjonat. Ħamrun jinsabu f’nofs il-klassifika iżda jonqoshom ftit aktar punti biex jassiguraw posthom fil-Kampjonat Premier.

Sliema Wanderers v Senglea Athletic

F’ partita li tista’ tmur kull naħa u biż-żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika tagħmel din il-partita interessanti. Għal Sliema dan l-istaġun jista’ jitqies bħala wieħed negattiv minħabba s-serje ta’ riżultati negattivi li ġarrbu u li poġġiethom f’pożizzjoni kritika fil-klassifika. Għal Senglea se jiddebutta bħala kowċ Vladan Tomic u jittama li jikseb t-tliet punti li tgħin li Senglea jinqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni jekk ir-riżultati tat-timijiet qrib tagħhom ikunu favur tagħhom. Tomic se jkun assistit mill-eks plejer ta’ Rabat, Valletta u Birkirkara Drasko Braunovic.

Valletta v Gudja United

Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Valletta eliminaw lil Gudja mill-FA Trophy, iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu din il-ġimgħa fil-kampjonat. Valletta se jinżlu għal din il-partita motivati mill-istess rebħa fuq Gudja. It-tim ta’ Josef Mansueto se jagħmel minn kollox biex jikseb tliet punti importanti li jgħinuh jitbiegħed miż-żona tar-relegazzjoni.

Santa Lucia v Mosta

Santa Lucia fl-aħħar erba’ konfronti tagħhom kisbu tliet rebħiet u telfa u żgur li l-forma tagħhom se tkun ta’ motivazzjoni biex jiksbu t-tliet punti kontra t-tim li jinsab biss żewġ punti warajhom.Mosta ħadu żewġ rebħiet u żewġ telfiet fl-aħħar erba’ konfronti tagħhom, u jittamaw li fil-partiti li fadal ikunu iktar konsistenti u jassiguraw posthom fl-ogħla diviżjoni għal staġun ieħor.

Balzan v Tarxien Rainbows

Wara li sfaw eliminati mill-FA Trophy minn Pietà u wara r-riżenja tal-kowċ tagħhom Jacques Scerri, Balzan jittammaw li din il-partita tkun ta’ għajnuna għall-moral tagħhom meta jaffrontaw t-tim li jinsab fl-aħħar post tal-klassifika. Tarxien jafu li biex isalvaw posthom staġun ieħor se tkun diffiċli iżda ma jidhrux li se jaqtgħu qalbhom malajr.

Logħob li jmiss

Illum: Stadium Nazzjonali: Floriana v Sirens 7.00pm

Għada: Hibernians Stadium: Sliema Wanderers v Senglea Athletic 2.00pm, Ħamrun Spartans v Hibernians 4.00pm, Centenary Stadium: Santa Lucia v Mosta 2.00pm, Valletta v Gudja United 4.15pm

Il-Ħadd: Stadium Nazzjonali: Balzan v Tarxien Rainbows 2.00pm, Gżira United v Birkirkara 4.00pm