Internazzjonali

Ifeġġ l-ewwel każ tal-Coronavirus fil-Vatikan…Il-Papa Franġisku jista’ ikollu jagħti l-indirizz tal-Angelus bil-video

L-Uffiċjali fil-Belt tal-Vatikan irrappurtaw l-ewwel każ tal-coronavirus f’dawn l-inħawi, bil-każ ikun ikkonfermat minn Matteo Bruni, bħala kelliem ewlieni għas-Santa Sede.

Stqarrija minn Bruni qalet li ‘is-servizzi kollha tal-outpatient tad-Direttorat tas-Saħħa u l-Iġene fl-Istat tal-Vatikan kienu sospiżi waqt li l-kmamar kienu suġġetti għall-proċeduri tas-sanità, wara li pazjent ittestja pożittiv għal Covid-19 (coronavirus).’

Intant,  il-Kamra għall-Emerġenza baqgħet miftuħa f’din is-sitwazzjoni, bid-Direttorat tas-Saħħa u l-Iġene jinforma lill-awtoritajiet (Taljani) xierqa, filwaqt li kienu attivati l-protokolli pjanati għall-ħarsien tas-saħħa.

Sar magħruf, wara, li l-pazjent ittieħed mill-Vatikan lejn sptar fil-belt ta’ Ruma.

Filwaqt li l-Italja tinsab f’paraliżi ta’ ansjetà minħabba l-coronavirus, il-Vatikan qed jikkunsidra li l-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd, iwassal id-diskors tal-Angelus b’filmat (video) u mhux bħalma jagħmel, is-soltu, permezz ta’ diskors dirett mit-tieqa tal-appartamenti tiegħu fil-Vatikan.

Dan jista’ iseħħ bħala prekawzjoni, fost it-tħassib dwar il-firxa kontinwa tal-infezzjonjiiet mill-coronavirus – bis-Santa Sede, fil-preżent, qed tistudja l-metodi li jagħmlu possibbli l-avvenimenti reliġjużi li, is-soltu, jattiraw il-folol tad-devoti  mingħajr ma (fl-istess ħin) jiżdied is-sogru tal-infezzjoni.

L-għażla tal-‘indirizz bil-video’ anki qed tkun ikkunsidrata għal nhar l-Erbgħa li ġej waqt l-udjenza ġenerali ta’ kull ġimgħa mal-Papa. Minkejja li l-folol għal dawn l-avvenimenti naqsu b’kaġun tal-coronavirus, in-nies xorta għadhom qed jiffurmaw ‘il-gruppi u s-sriebet’ f’numru ta’ zoni pubbliċi tal-Vatikan.

Sadanittant, hu possibbli li, għall-ewwel darba mindu twaqqaf l-Istat indipendenti tal-Vatikan, fi Frar tal-1929, jitħassru ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid, flimkien ma’ servizzi oħrajn tal-Ġimgħa Mqaddsa.

S’issa, iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) inżammet dejjem anki matul is-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija – u l-kelliema għall-Papa, għalissa, qed jgħidu li ‘s-servizzi kollha (tal-Għid) għal din is-sena mistennija jsiru’.

Madankollu huwa wkoll fatt li l-Vatikan qed janalizza bir-reqqa l-iżviluppi tal-coronavirus u wieħed ma jeskludix għal ‘aktar passi drastiċi’.