Lokali Saħħa

Il-ħaddiema tal-isptar Boffa jinżammu fil-għama

Anzjani jinħarġu mill-isptar hekk kif qed jitlesta għall-Covid19

Dalgħodu fl-isptar Sir Paul Boffa qam paniku hekk kif pazjenti anzjani intqalilhom li se jinħarġu mill-isptar, u ħaddiema baqgħu bla risposta dwar x’se jkun qed isir minnhom. Dan meta l-isptar Boffa jidher li qed jitħejja sabiex jintuża biex jinżammu fih pazjenti tal-Coronavirus.

Net News mar qrib l-isptar fejn kien hemm vann mimli anzjani li kienu se jittieħdu f’residenza oħra. Minn informazzjoni li ksibna jidher li dawn il-pazjenti se jkunu qed jittieħdu f’numru ta’ residenzi oħra.

Deher ukoll vann magħluq li kien qed jintuża biex iġorr affarijiet ‘il barra mill-isptar.

Intant il-ħaddiema li jirappurtaw f’dan l-isptar għadhom ma jafux x’se jsir minnhom. Jekk hux se jkunu qed jintbagħtu f’ċentri oħra tas-saħħa, jew jekk hux se jinżammu fl-isptar li mistenni jilqa’ fih persuni infettati. Il-ħaddiema ta’ Boffa għadhom ma ngħatawx taħriġ għall-Covid19.

Barra l-anzjani li nġarrew lejn residenzi oħrajn, persuni oħra li kienu qed jirċievu kura kruċjali fl-istess sptar b’mod regolari, f’xi każi issa se jitwaqqfilhom is-servizz, u f’każi oħra se jmorru f’ċentri tas-saħħa oħrajn.

Iżda pazjenti oħra li kienu jinsabu rikoverati fis-sala tad-dermatoloġija f’Boffa, ġew rilaxxati għal kollox.

Intant, kif jixhdu diversi rapporti fil-midja, t-tixrid tal-COVID-19 qiegħed iħalli effetti negattivi anke fuq is-settur turistiku Malti. B’Net News jirċievi informazzjoni li s-sitwazzjoni għal-lukandi f’pajjiżna tant qed tinħass diffiċli, li uħud minnhom talbu lill-ħaddiema joħorġu bil-leave.

Fi stqarrija, id-Deputat Robert Arrigo preżenta proposta mill-Partit Nazzjonalista sabiex sal-aħħar ta’ Marzu, l-Air Malta tnaqqas il-prezzijiet tat-titjiriet tagħha b’€25. Dan apparti li għandu jkun assigurat li ma jinżammx ħlas meta l-konsumaturi jibdlu d-dati tat-titjiriet. Ftit tal-jiem ilu l-PN kien propona wkoll li t-taxxa tal-VAT ta’ 7% fuq kull tip ta’ akkomodazzjoni f’Malta u Għawdex ghandha tkun sospiża, biex anke din isservi bħala inċentiv għall-industrija tat-turiżmu.