Lokali

Il-PBS jitlob ‘bailout’ mill-BOV

L-aħbar ħolqot rabja sħiħa fil-kurituri tax-Xandir fejn diversi ħaddiema huma urtati għall-istat finanzjarju li tinsab fih il-kumpanija

Il-ġurnal IN-NAZZJON illum żvela li din il-ġimgħa l-Bord tal-Public Broadcasting Services (PBS) iltaqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti l-possibiltà li jingħata bailout mill-BOV. Dan sabiex tiġi indirizzata l-problema kbira fil-finanzi tax-Xandir Nazzjonali.

Jirriżulta li l-Bord qabel li jikkunsidra strateġija ġdida ibbażata fuq din il-bailout, bis-sorsi tagħna jikkonfermaw li din it-talba “tlaħħaq miljuni” mhux ftit eluf. Mhux magħruf eżatt jekk effettivament ġiex ikkuntatjat il-BOV wara l-board meeting, u jekk il-PBS ressaqx it-talba b’mod uffiċjali.

Li hu żgur hu, li din l-aħbar ħolqot rabja sħiħa fil-kurituri tax-Xandir fejn diversi ħaddiema huma urtati għall-istat finanzjarju li tinsab fih il-kumpanija, li tinkludi l-istazzjonijiet nazzjonali ta’ TVM, l-istazzjonijiet tar-radju kif ukoll sit fuq l-internet. Il-kwistjoni tal-pagi qed toħloq frustrazzjoni b’mod partikolari fost il-part-timers u l-preżentaturi li għandhom diversi ħlasijiet b’lura.

Uħud mill-ħaddiema stqarrew magħna li “basta jsir ħafna paroli fuq il-PN, imbgħad dawn tellgħu djun tal-bliegħ fil-PBS”, b’ħafna jikkundannaw il-mod kif qed jimxi l-management mal-impjegati tax-Xandir.

Dwar din l-istorja, IN-NAZZJON bagħat sensiela ta’ domandi liċ-Chairperson Tonio Portughese u lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli.