Lokali Turiżmu

Il-PN jipproponi tnaqqis temporanju fil-prezzijiet tat-titjiriet bl-Air Malta

Impenn ieħor biex is-settur tat-turiżmu jirkupra mid-daqqa li ħa fl-aħħar ftit jiem

Impenn ieħor biex is-settur tat-turiżmu jirkupra mid-daqqa li ħa fl-aħħar ftit jiem

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi biex sal-aħħar ta’ Marzu, l-Air Malta tnaqqas il-prezzijiet tat-titjiriet tagħha b’€25. Barra minhekk, għandu jkun assigurat ukoll li ma jinżammx ħlas meta l-konsumaturi jibdlu d-dati tat-titjiriet.

Dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista qed isiru fid-dawl tal-isfidi li t-tixrid tal-Coronavirus qed iħalli fuq is-settur turistiku anke f’pajjiżna. B’hekk, jingħata inċentiv immedjat ħalli dan il-qasam importanti jfittex jirpilja kemm jista’ jkun malajr.

Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, fil-jiem li għaddew ippropona wkoll li t-taxxa ta’ 7% f’VAT fuq kull tip ta’ akkomodazzjoni f’Malta u Għawdex tkun sospiża.

Robert Arrigo qal li l-isfidi kawża tal-Coronavirus qed ikomplu jiggravaw dan is-settur daqstant importanti, iżda li diġà hu mhedded minħabba n-nuqqas ta’ pjanar min-naħa tal-Gvern.

Bħala Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jemmen li jeħtieġ inċentivi biex dan il-qasam jissaħħaħ. F’kumment lil NET News, Arrigo spjega li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta dawn il-proposti għax, bħala Oppożizzjoni Kostruttiva, jemmen li n-negozji u l-imprendituri tagħna jeħtieġu spalla ta’ għajnuna fiż-żminijiet ta’ sfida.

Dan jirrifletti wkoll il-pożizzjoni ta’ korpi relatati, fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti Maltin (MHRA) li, fil-jiem li għaddew, ukoll ikkritikat in-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern, li qed jolqot lil dan is-settur. L-MHRA kienet ippreżentat il-pożizzjoni tagħha wkoll f’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.

Bħall-Partit Nazzjonalista, anke l-MHRA innotat li l-ippjanar iġib miegħu s-sostenibbiltà, li hu essenzjali għas-serħan il-moħħ tal-investituri u l-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu.