Lokali

It-tiġdid tal-istruttura tal-Partit fi stadju avvanzat

Mijiet ta’ kunsillieri membri fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għaddew din il-ġimgħa f’diskussjonijiet twal jiddiskutu ideat dwar struttura u organizzazzjoni mġedda għall-partit.

Il-Kunsilliera inġabru f’ħames assembej differenti, erbgħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Huma ddiskutew dokument li ħejja Louis Galea b’linji gwida dwar tibdil maħsub li jgħin il-partit jiġġedded għaż-żmienijiet tal-lum. Il-laqgħat kienu preseduti minn Ċensu Galea, President tal-Kunsill Ġenerali, u kollha kienu indirizzati mill-Kap tal-Partit Adrian Delia. Preżenti wkoll kien hemm Francis Zammit Dimech is-Segretarju Ġenerali tal-Partit.

Wara dawn il-laqgħat issa se jiġi finalizzat l-ewwel abbozz tal-istatut tal-partit biex jiġi eżaminat mill-Kumitat Eżekuttiv li min naħa tiegħu jipprepara abbozz finali għall-konsiderazzjoni tal-Kunsill Ġenerali, l-ogħla organu tal-partit bis-saħħa li jbiddel l-istatut.

F’Lulju tas-sena li għaddiet Louis Galea kien ġie inkarigat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kumitat Eżekuttiv sabiex jiggwida proċess ta’ riforma u tiġdid fil-partit. Bħala parti mill-proċess saru ħafna laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Membri Parlamentari, mal-kunsilliera u membri tal-kumitati lokali, mat-tmexxija u ma’ numru sew ta’ ċittadini li urew l-interess billi taw l-kontribut tagħhom. Kull kumitat lokali mela kwestjonarju fejn wera b’mod konkret x’tibdil jinħass li hemm bżonn fl-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-partit.

Louis Galea qal li l-interess li urew ħafna partitarji, tesserati u b’mod partikolari l-membri tal-kumitati fil-proċess ta’ riforma kien aspett mill-aktar pożittiv. “Ħareġ ċar kemm l-għeruq tal-partit huma ħajjin u qed jistennew ir-rebbiegħa tat-tiġdid bil-ħerqa u b’entużjażmu. Kulħadd hu konxju tad-diffikultajiet mhux żgħar li għaddej minnhom il-partit. Fl-istess ħin hemm sinjali ċari ta’ tama u kuraġġ li bil-koperazzjoni u l-ħidma ta’ kulħadd il-partit ser ikun kapaċi jegħleb dawn id-diffikultajiet, anke jekk għandu bżonn iż-żmien biex jilħaq il-milja tas-saħħa tiegħu mill-ġdid.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fid-diversi interventi li għamel fl-assemblej tal-Kunsilliera f’Għawdex u f’Malta, irringrazzja l-membri għall-attendenza numeruża u l-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tagħhom. Huwa fisser li din il-ħidma aktar milli hija ħidma għall-partit hija ħidma fis-servizz tal-poplu. “Huwa l-poplu li għandu bżonn Oppożizzjoni mġedda u organizzata; partit b’saħħtu li hekk kif kien ta’ ġid kbir għal kulħadd fl-istorja tiegħu jerġa’ jkun strument ta’ fejda għal kulħadd. Il-problemi li s-soċjetà qed taffaċċja jirrikjedu politiċi li għalihom il-ġid komuni jiġi l-ewwel u qabel kollox. Fid-diskussjonijiet li qed isiru joħroġ biċ-ċar li dawk kollha involuti fil-partit huma determinati li jagħtu dan is-servizz lill-pajjiżna.”